Lokali

Grupp ta’ immigranti jidħol f’Wied iż-Żurrieq

"Bdew jitolbu post fejn jorqdu"

Il-Pulizija kienet għaddejja bi tfittxija fl-inħawi taż-Żurrieq, il-Qrendi u s-Siġġiewi wara rapporti li kien hemm immigranti li rnexxielhom jidħlu pajjiżna b’dgħajsa.

Kollox beda minn telefonata li daħlet għand il-Pulizija fit-8:20pm.

L-RIU waslu fiz-zona immedjatament, u sabu numru ta’ immigranti fit-triq li twassal minn Wied iż-Żurrieq lejn Lapsi. B’kollox ġew miżmuma 5 Sirjani u 3 Eġizzjani, għalkemm jista’ jkun kien hemm aktar.

Jassistu lill-RIU fit-tfittxijiet kien hemm ukoll l-AFM u l-Pulizija tad-Distrett.

Net News jinsab infurmat li malli niżlu bid-dgħajsa f’Wied iż-Żurrieq, l-immigranti bdew jitolbu għal post fejn jorqdu. U kien f’dan il-ħin li xi nies ċemplu lill-Pulizija.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.