Futbol Sport

Dodo ta’ Ħamrun Spartans hu l-aktar plejer minn fost il-plejers fil-Kampjonati kollha dinija, bl-akbar ammont ta’ assists

Dodo ta' Ħamrun Spartans

L-attakkant ta’ 30 sena ta’ Ħamrun Spartans, Dodo hu l-aktar plejer dan l-istaġun, mill-Kampjonati kollha ta’ kull pajjiż fid-dinja, bl-akbar ammont ta’ assists; iġifieri li serva l-aħħar passaġġ li wassal għall-gowl fl-iskwadra tiegħu. Statistika interessanti li qed tiġi ppubblikata mis-sit internazzjonali u popolari transfermarkt.com, qed tpoġġi lil Dodo fl-ewwel post f’din il-klassifika, b’total impressjonanti ta’ 20 assist minn 18-il partita tal-Kampjonat Premier s’issa.

Dan l-ammont hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa, tant li ż-żewġ plejers li jinsabu fit-tieni post f’din il-klassifika, u li tiġbor fiha l-plejers li jilgħabu fil-Kampjonati kollha dinija, servew seba’ gowls anqas mill-attakkant ta’ Ħamrun minn Cape Verde. Dawn huma l-Awstrijak Raphael Holzhauser, li jilgħab fl-għola diviżjoni fil-Belġju ma’ Beerschot V.A. u l-Franċiż ta’ OH Leuven, ukoll fl-għola diviżjoni Belġjana, Xavier Mercier. Dawn it-tnejn servew 13-il assist s’issa; ammont li f’termini ta’ perċentwali meta mqabbel ma’ dak ta’ Dodo ta’ Ħamrun, ikompli jikber fid-distakk u l-valur fil-klassifikazzjoni għaliex iż-żewġ plejers li jilgħabu fil-Belġju, it-tnejn li huma lagħbu 27 partita kull wieħed; ħafna aktar partiti meta mqabbel mat-18-il logħba ta’ Dodo li lagħab s’issa fil-Kampjonat Premier ma’ Ħamrun.

Din l-istatistika se tkun qed tiġi analiżżata fil-programm tal-lejla, ‘Replay Preview’, li jibda fid-9:30pm fuq Net Television.