Lokali Qorti

Ħames immigranti oħra jintbagħtu l-ħabs b’rabta mal-irvellijiet fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi

Ħames immigranti oħra ngħataw sentenza ta’ ħabs b’rabta mal-irvellijiet fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi li seħħew f’Settembru li għadda. Muhger Addalla ta’ 17 il-sena mis-Sudan, Mohamed Hamid ta’ 21 sena miċ-Chad, Haruun Madwi Haruun ta’ 21 sena mis-Sudan, Abdalla Mohammed Mohammed ta’ 17 il-sena mill-Eritrea u Hashi Abdul Rahman ta’ 15 il-sena mill-Eritrea, fil-bidu kienu wieġbu mhxu ħatja, iżda wara ammettew

Huma kienu fost 27 persuna li tressqu l-Qorti fid-19 ta’ Settembru li għadda, l-għada tal-irvellijiet fil-barracks ta’ Ħal Safi. Il-ħames immigranti ammettew li b’mod volontarju li wettqu ħsara fi proprjetà ta’ terzi, li kkaġunaw ’il fuq minn €2,500 fi ħsarat, li ħadu sehem f’konfoffa illegali ta’ 10 persuni jew aktar biex iwettqu reat.
A

mmettew ukoll quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li rrifjutaw li jobdu l-ordnijiet leġittimi, li kisru l-paċi pubblika u kif ukoll li kienu kompliċi fit-tqabbid ta’ twieqi u li qabbdu saqqu għad-dannu tal-Gvern ta’ Malta.

L-immigranti ammettew l-akkużi miġjubion kontrihom fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2021. Il-Qorti semgħet li l-persuni detenuti ġewwa ċ-Ċentru tal-Ħal-Safi ħarbu minn fuq il-post, u qabel ma ħarbu kkażaw ħsara fiċ-ċentru billi bdew iwaddbu ġebel, knatan, ħadid u oġġetti oħra li ġew għal idejhom bil-konsegwenza li kkaġunaw ħsara fil-post.

Rigward il-piena l-Qorti qieset il-fatt li l-kondotta tagħhom hija waħda netta, għalkemm din tirifletti biss iż-żmien li ilhom Malta. L-amissjoni ta’ l-imputati li saret waqt li kienu għaddejjin il-proċeduri, u minkejja li ma saritx fl-iktar stadju bikri, xorta saret fi stadju bikri tal-proċeduri u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata li l-amissjoni hija attenwanti a favur l-imputati fiċ-ċirkostanzi tal-każ.

Irriżulta li Muhger Addalla u Abdalla Mohammed Mohammed għandhom 17- il sena u Hashi Abdul Rahman għandu 15 il-sena u kienu għadhom minuri fiż-żmien tar-reat u għalhekk fil-każ tagħhom, u dan irid jiġi kkunsidrat.

Id-difiża ta’ l-imputati għamlet referenza għall-istess każ fejn ħames immigranti oħra kienu ammettew f’Ottubru li għadda fejn il-Qorti kienet ikundannat lill-imputati għall-piena ta’ 30 xahar priġunerija kull wieħed għal-istess reat u ċirkostanzi. Għalhekk il-Qorti ġiet mistiedna tikkunsidra piena simili.

Mohamed Hamid u Haruun Madwi Haruun ġew ikkundannati 30 xahar ħabs kull wieħed, minn liema għandu jiġi mnaqqas il-perjodu li huma għamlu taħt arrest preventiv; u lil Muhger Addalla, Abdalla Mohammed Mohammed u Hashi Abdul Rahman, in vista ta’ l-età tenera tagħhom tikkundannhom priġunerija ta’ 18 il-xhar effettivi, kull wieħed, minn liema għandu jiġi mnaqqas dak skontat taħt arrest preventiv.

Il-Qorti ordnat ukoll lil-ħatja iħallsu multa ekwivalenti għall-hsara li saret fl-ammont ta’ €2,500 lill-Gvern ta Malta, b’dan li kull ħati għandu jħallas individwalment u separatament is-somma ta’ €500.

Ħames irġiel oħra nvoluti f’irvell fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi diġa’ ntbagħtu 30 xahar ħabs kull wieħed. Atshaha Atewarki, ta’ 21 sena mill-Eritrea, u Kitu Adam, ta’ 22 sena, Baher Aden, ta’ 24 sena, Ali Nabil, ta’ 18-il sena u Radu Good Deng, ta’ 25 sena, bl-aħħar erbgħa lkoll mis-Sudan, huma l-persuni. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Janetta Grixti, bl-avukat Christopher Chircop jidher bħala l-avukat għall-għajnuna legali.