Lokali

“Il-Gvern qed jinjora għal kollox it-talbiet tal-ħaddiema” – UĦM

Il-UĦM tħabbar azzjoni industrijali li jinvolvu aktar minn 1,300 ħaddiem - is-servizzi tal-Covid qed jibqgħu jingħataw

Mit-8am, il-UĦM – Voice of the Workers eskalat sensiela ta’ azzjonijiet industrijali li jinvolvu aktar minn 1,300 ħaddiem fil-qasam tas-saħħa wara li l-Gvern ta’ Robert Abela mhux qed iżomm kelmtu fuq ftehim bil-miktub li ntlaħqu xhur ilu.

Dawn l-azzjonijiet jinvolvu lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, l-istaff tal-ambulanzi kif ukoll l-impjegati ta’ Steward Health Care.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella, sostna li l-Gvern Laburista mhux qiegħed iżomm kelmtu ma’ dawn il-ħaddiema – fejn insista li inutli li l-Gvern iħambaq fuq id-djalogu soċjali u d-demokrazija meta jdawwar dak li huwa maqbul bil-miktub kif jaqbel lilu jew saħansitra jinjorah għal kollox.

Huwa saħaq li l-Gvern wera mal-istaff tal-ambulanzi li m’għandux assolutament x’joffri u qiegħed jinjora l-azzjonijiet industrijali tagħhom li ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar 6 xhur.

Dan filwaqt li insista li bil-miktub mill-Ministeru għas-Saħħa kien ġie maqbul li mill-1 ta’ Jannar 2021, il-ħaddiema ta’ Steward Health Care kellhom jiġu assorbiti mal-Gvern – sabiex ikun rispettat l-equal pay for equal work – madanakollu s’issa minn dan għadu ma sar xejn.

Josef Vella insista li jittama li l-Gvern ta’ Robert Abela mhux ser jibda moda ġdida li dak li jkun miftiehem mal-Unjins ma jinżammx.

Filwaqt li dawn l-azzjonijiet jinkludu firxa wiesgħa ta’ sptarijiet u residenzi lokali fosthom; l-Isptar Mater Dei, l-Isptar Karin Grech, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-Isptar San Luqa kif ukoll ir-Residenza San Vinċenz De Paule – Josef Vella insista ċar u tond li l-Unjin mhux qed teskludi li jiżdiedu l-azzjonijiet industrijali – inkluż azzjonijiet ta’ solidarjetà minn ħaddiema lil’hinn minn dan il-qasam.

Ta’ min wieħed jinnota jinnota li dawn il-ħaddiema ser ikunu qed jaqdu biss dmirijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Covid-19, każijiet ta’ emerġenza u pazjenti bil-kanċer.