Għawdex Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jżur diversi intrapriżi Għawdxin

Reazzjonijiet pożittivi ferm għall-miżuri li ħabbar il-Partit Nazzjonalista lbieraħ fil-qasam tal-enerġija

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu kompla biż-żjarat lin-negozji u intrapriżi, din id-darba fil-Gżira t’Għawdex.

Fi żjara fil-fakbbriki ta’ Magro Brothers u tal-FXB fix-Xewkija, Bernard Grech faħħar il-viżjoni fit-tul li kellhom il-familji Magro u Borg meta ħafna snin ilu waqqfu dawn l-intrapriżi.

Huwa qal li l-politiċi għandhom l-obbligu li jgħinu lill-intrapriżi bħal ta’ dawn iż-żewġ familji, biex jinteħħa x-xkiel li jistgħu ikollhom f’xogħolhom u qal li dan jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm diskussjoni regolari bejn il-politiċi u l-intrapriżi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandna l-ewwel u qabel kollox niċċelebraw il-kuraġġ ta’ dawk li l-passjoni għax-xogħol wasslithom biex investew, u qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jkun hemm biex jifhem x’inhuma l-isfidi tan-negozji, biex bil-ħsibijet u l-pariri ta’ l-persini stess li qed imexxuhom, ikun żgurat li l-politika li nagħmlu tkun qed issostni lil dawn l-intrapriżi u tgħinhom jikbru.

Id-diretturi tal-kumpaniji kellhom kliem ta’ tifħir għall-proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-enerġija u sostnew li din hija t-triq ‘il quddiem biex mhux biss igawdu l-familji iżda anke biex in-negozji jkunu aktar sostenibbli.

Bernard Grech dar mal-fabbrika ta’ Magro Bros, li tinkludi l-fergħa tal-artiġjanat, Savina, kif ukoll il-parti li tipproduċi l-prodotti tal-ħalib Ħanini u dik li tipproduċi z-zlazi.

Fost il-prodotti li jipproduċu dawn il-fabbriki hemm prodotti atriġjanali Maltin bħal żejt, ġammijiet, għasel, żejt taż-żebbuġa, rikotta, kunservi varji, u saħansitra isse se jkunu qed jipproduċu ikel tat-trabi organiku, kif ukoll ibigħu bizzilla magħmula bl-idejn. Ħafna minn dawn il-prodotti jiġu esportati lejn swieq barranin.

Grech żar ukoll il-fabbrika ta’ FXB – fabbrika tal-għamara mwaqqfa aktar minn 125 sena ilu meta Francis Borg beda jaħdem l-injam, biex illum, għadd ta’ ġenerazzjonijiet wara, il-familja Borg kompliet tinvesti f’din l-intrapriża.

Bernard Grech iltaqa’ mal-ħaddiema tal-uffiċini ta’ FXB kif ukoll ma’ l-ħaddiema li jaħdmu fil-fabbrika filwaqt li kellem ukoll lill-ħaddiema li kienu qed jaħdmu fil-fabbrika nnfisiha.

Mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, John Magro, wieħed mid-diretturi ta’ Magro Bros qal li l-familja Magro snin ilu ħadet id-deċiżjoni kuraġġuża li jibqgħu ibbażati fil-gżira Għawdxija, u beħsiebhom jiqbgħu jiġġeneraw investivment f’din il-gżira.

Minn naħa tiegħu, Joseph Borg, id-direttur ta’ FXB qal li l-kumpanija qed tkompli tinvesti għax temmen fil-ħaddiema tagħha u fil-prodott li toffri.