Lokali Saħħa

Il-PN joffri li jkun medjatur biex tissolva tilqwima industrijali bla preċedent

Il-Partit Nazzjonlista jinnota li dalgħodu tħabbru firxa bla preċedent ta’ azzjonijiet industrijali li jaffetwaw iktar minn 1,300 ħaddiem fil-qasam tas-saħħa u l-familji tagħhom, u eluf kbar ta’ ċittadini.

Fi stqarrija maħruġa mid-deputat Jason Azzopardi, il-PN qal illi ma jistax ikun li Robert Abela u Carmelo Abela jibqgħu jiġu jaqgħu u jqumu mill-ħaddiema u d-drittijiet tagħhom.

Ma jistax ikun li l-Gvern Laburista jibqa’ jgħaffeġ id-dinjita’ ta’ eluf ta’ haddiema u familji tagħhom. Ma jistax ikun li l-Gvern jibqa’ s-snin ikaxkar saqajh biex jinnegozja ftehim kollettiv għall-ħaddiema tiegħu, li jkunu skadew. Ma jistax ikun nibqgħu naraw Gvern ħali ma’ ta’ ġewwa iżda xħiħ mal-ħaddiema.

Lil dawn ma tahomx l-€11,000 żieda li ta lilu nnifsu Edward Scicluna bil-barka ta’ Robert Abela. Lil dawn qed jinjorahom għax qed jarahom
dubbien.

Huwa fatt li qatt ma kien hawn daqstant maltemp u sħab iswed fuq il-qasam tar-relazzjonijiet industrijali dovut biss għax il-Gvern Laburista huwa indifferenti, huwa insensittivi, u huwa arroganti li ma jridx jonora l-obbligi miktubin tiegħu stess.

Il-Partit Nazzjonalista lest joffri s-servizzi tiegħu kollha biex anke jaġixxi ta’ medjatur bejn kull min huwa nvolut sabiex żgur ma jintilifx ħin u żmien prezzjuz fl-interess ta’ dawn l-eluf ta’ ħaddiema u l-familji tagħhom.