Internazzjonali

Il-vaċċini għal kontra l-Covid-19: Macron jipproponi li jintbagħtu bejn 4 u 5 fil-mija tad-dożi lill-ifqar pajjiżi

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, sejjaħ biex l-Ewropa u l-Istati Uniti jibgħatu ‘b’urġenza’ sa ħamsa fil-mija mill-provvisti tal-vaċċini tagħhom għal kontra l-Covid-19 lill-pajjiżi foqra u li qed jiżviluppaw.

Macron insista li l-kunċett tal-inugwaljanza għandu jikber fuq livell globali jekk il-pajjiżi b’saħħithom jonqsu milli jiddistribwixxu l-vaċċini b’mod xieraq.

Il-maġġoranza assoluta tat-tilqim kontra l-Covid-19 s’issa kienu amministrati mill-Istati sinjuri u Macron ippropona l-pjan biex jindirizza l-iżbilanċ qabel is-summit virtuali tal-G7 għall-mexxejja tal-aktar pajjiżi industrijalizzati tad-dinja.

Ir-rapporti mill-Istati Uniti sostnew li l-President Amerikan Joe Biden qed jaħseb biex jimpenja 4 biljun dollaru bħala finanzjament għal skema li tippermetti li l-vaċċini jinqasmu b’mod ugwali u li hi magħrufa bħala Covax.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson – li qed imexxi s-summit tal-G7 – qed jiddedika d-dożi ‘żejda’ ta’ pajjiżu lill-Covax u li minnhom għandhom jibbenefikaw il-pajjiżi fqar.

Boris Johnson qed iħeġġeġ ukoll biex il-pajjiżi sinjuri jimpenjaw ruħhom għal perjodu ta’ żmien speċifiku — ta’ 100 jum — għall-iżvilupp tal-vaċċini ġodda kontra l-mard tal-futur li qed jiżviluppa, b’theddida partikulari għall-umanità.

Fi żviluppi oħra, it-tfal ta’ età primarja f’Wales se jkunu jistgħu jirritornaw lejn l-iskola mill-15 ta’ Marzu jekk kemm-il darba jkomplu jonqsu l-każi tal-Covid. Il-Ministru Ewlieni ta’ Wales, Mark Drakeford, esprima tamiet li t-tliet ġimgħat li jmiss ikunu l-aħħar ġimgħat fejn ikunu implimentati l-miżuri li jirrikjedu biex in-nies jibqgħu d-dar, ħlief għall-emerġenzi.

Madankollu, ir-restrizzjonijiet stretti għall-Covid-19 jistgħu jibqgħu effettivi fir-Repubblika tal-Irlanda sal-1 ta’ Mejju. Fl-istess ħin, hemm ukoll il-probabbiltà li numru ta’ studenti jitħallew jirritornaw fil-klassijiet sax-xahar id-dieħel.

Ir-rakkmandazzjoni dwar jekk ikomplux ir-restrizzjonijiet ta’ ‘Level 5’ fil-pajjiż ma kenitx finalizzata, bil-kumitat li qed jagħti pariri lill-Kabinett Irlandiż għandu jiltaqa’ nhar it-Tnejn biex jiddiskuti s-sitwazzjoni.

Dan meta l-Eżekuttiv tal-Irlanda ta’ Fuq ikkonferma li r-restrizzjonijiet għal kontra l-Covid-19 f’din il-provinċja Britannika se jkunu estiżi sal-1 ta’ April.

Skont l-aħħar statistika mill-Università ta’ Johns Hopkins, fl-Istati Uniti, mal-110 miljuni spiċċaw infettati bil-coronavirus madwar id-dinja u bil-vittmi issa jaqbżu t-2.4 miljuni fuq skala globali.