Futbol Sport

Illejla fid-9:30pm fuq Net Television, tkompli d-diskussjoni dwar il-futbol Malti

Id-diskussjoni dwar il-futbol lokali tissokta llejla, bil-programm tal-Ġimgħa filgħaxija, ‘Replay Preview’ li jibda fid-9:30pm fuq Net Television. Mill-istudio armat apposta għal dan il-programm, mir-restorant fis-Saqqajja, Il-Veduta, Christian Micallef flimkien mal-mistieden residenti ta’ Replay, Konrad Sultana, se jkunu qed jiddiskutu l-partiti kollha li huma skedati għal matul din it-tmiem il-ġimgħa mill-21 ġurnata tal-Kampjonat Premier. Iżda mhux biss.

F’Replay Preview tal-lejla, se nkunu qed naraw is-servizzi bl-aħjar siltiet mill-partiti li ntlagħbu nhar l-Erbgħa li għadda mill-Kampjonat Premier, wara li oriġinarjament l-istess partiti kienu posposti minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Fit-tliet partiti li kelna, Birkirkara, Lija Athletic u Mosta kisbu rebħiet importanti kontra Valletta, Senglea Athletic u Gudja United rispettivament.

Id-diskussjoni ta’ kwalità u b’differenza, hija waħda mill-karratteristiċi li tiddistingwi l-programmi Replay u fl-aħħar snin kabbret il-popolarità ta’ dan il-programm, sena wara l-oħra. Illejla, permezz ta’ statistika interessanti li toħroġ wara l-ewwel għoxrin partita tal-Kampjonat Premier, se nkunu qed nanaliżżaw individwalment lill-aqwa skorers tal-Kampjonat s’issa, partikolarment lill-Kolombjan ta’ Santa Lucia, Kevin Ante Rosero li jinsab fl-ewwel post fil-lista tal-aqwa skorers b’15-il gowl, u lill-attakkant ta’ 30 sena minn Cape Verde, Dodo li jilgħab ma’ Ħamrun Spartans. Dodo skorja żewġ gowls anqas minn Rosero, iżda jinsab fuq quddiem u mhux bi ftit fil-klassifika tal-ammont ta’ assists li serva s’issa f’dan l-istaġun. Din l-istatistika, flimkien ma’ oħrajn fuq l-istess aspett, se jkunu qed jiġu diskussi u analiżżati f’Replay Preview tal-lejla.

Ikun hemm ukoll referenza u dettalji dwar il-partiti li se jkunu qed jintlagħabu bejn għada s-Sibt u nhar it-Tnejn li ġej, mill-21 ġurnata tal-National Challenge League. Mill-passat, illum f’Replay Preview se nkunu qed inxandru servizz riċerkat li kien maħdum riċentament minn Christian Micallef għall-istess programm, dwar il-partita li kienet ntlagħbet f’Ottubru tal-2006 bejn Malta u l-Ungerija. Dak in-nhar Malta kienet kisbet rebħa storika ta’ 2-1 b’żewġ gowls ta’ Andre Schembri. Din is-sena, din il-partita tagħlaq 15-il sena.

Replay Preview jixxandar fid-9:30pm fuq Net Television.