Lokali Qorti

Is-sitt persuna titressaq il-Qorti b’rabta mal-allegat frodi ta’ €58,000 fuq romantiċiżmu virtwali

In-Niġerjan Tabi Ovi, ta’ 34 sena residenti s-Swieqi, tressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo b’rabta mal-iskamm ta’ anzjana ta’ 72 sena, li allegatament spiċċat iffrodata €58,000 f’każ ta’ romantiċiżmu virtwali

Wara li wieġeb mhux ħati, Ovi qal lill-Qorti li jaħdem bħala xufier tat-taxi. Huwa ġie akkużat b’ħasil ta’ flus u li rċieva flus peremzz ta’ reat. L-Avukat Rachel Tua infurmat lill-Qorti li l-pleġġ ma kienx qed jintalab f’dan l-istadju.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ sekwestru fuq il-propjetà u l-flus kollha tal-akkużat. Huwa kien ipprojbit ukoll milli jittrasferixxi jew jiddisponi minn kwalunkwe proprjetà mobbli jew immobbli.

Ir-raġel huwa marbut mal-istess ċirku ta’ persuni akkużati aktar kmieni dan ix-xahar li kien jinkludi l-eks futboler Niġerjan Sunday Eboh. Ġimagħtejn ilu, fl-ewwel każ tax-xorta tiegħu f’Malta, Eboh ġie akkużat flimkien ma’ ċittadina Maltija Alexandra Pace, u tliet ċittadini Niġerjani, Collins Eguavoen, Marvis Iyeke u Tony Ogbonna li qarrqu b’anzjana, li kienet frodata minn persuna li taparsi kienet suldat Amerikan li jinsab jaħdem fl-Afganistan.

Meta bdiet il-kumpilazzjoni din il-ġimgħa quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħareġ li hemm il-possibilità li hemm persuna jew persuni oħra li ġew iffrodati minn dan iċ-ċirku.

L-akkużati kollha qed iwieġbu mhux ħatja u nżammu arrestati. L-Ispettur Claire Borg u Sarah Zerafa mexxew il-Prosekuzzjoni, flimkien mal-Avukati Abigail Caruana Vella, Sean Xerri De Caro u Karl Muscat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.