Internazzjonali

L-Emirati Għarab mitluba għall-provi li l-Prinċipessa Latifa għadha ħajja

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Umani talab lill-Emirati Għarab Magħquda għall-provi konkreti li juru li għadha ħajja l-Prinċipessa Latifa – bint il-Mexxej tad-Dubaj. Din il-prinċipessa kienet irrekordjat il-filmati sigrieti ( li spiċċaw f’idejn l-Istazzjon tal-BBC) fejn takkuża lil missierha b’li kien żamma ostaġġ fid-Dubaj wara li hi pruvat taħrab mill-pajjiż fl-2018.

F’dawn il-filmati, Latifa tinstama’ tgħid li kienet ‘beżgħana għal ħajjitha’ u issa n-NU kuntattjat lil David Haigh, wieħed mill-protagonisti tal-kampanja ‘Free Latifa’, fejn talbitu aċċess għall-filmati li ħarġu fil-beraħ grazzi għall-impenn ta’ xi attivisti u li dehru xi jiem ilu fuq il-Programm ‘Panorama’ tal-BBC.

Ir-reazzjoni għall-filmati kienet immedjata fost is-sejħiet – fuq skala globali – biex in-NU tinvestiga ‘x’sar tassew mill-prinċipessa’.

Kelliema għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet Umani qalu li qed isegwu s-sitwazzjoni bir-reqqa wara li huma talbu l-informazzjoni speċifika u biex il-Gvern tal-Emirati jwieġibhom mill-aktar fis possibbli.

Din l-aġenzija anki avviċinat lill-missjoni permamenti tal-Emirati f’Ġinevra ( fl-Iżvizzera) għall-informazzjoni, iżda l-Gvern tad-Dubaj (l-istess bħall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Emirati) baqa’ ma kkummentax.