Lokali

L-Għaqda tal-Konsumaturi tirċievi għadd ta’ ilmenti dwar żidied fil-bank charges

“L-Għaqda tal-Konsumaturi dan l-aħħar kompliet tirċievi lmenti fuq diversi banek. Dawn kienu sew dwar il-bank charges li żdiedu dawn l-aħħar xhur kif ukoll il-proċeduri li jużaw ilbanek. Hu għalhekk li l-Għaqda ddeċidiet li tikteb lir-regolaturi li għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-settur biex dawn jieħdu l-passi meħtieġa.”

Dan ħareġ minn stqarrija maħruġa mill-Għaqda tal-Konsumaturi fejn kompliet tgħid li rigward il-bank charges, l-Għaqda kitbet lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA) sabiex jinvestiga il-bank charges li ġew imposti dawn l-aħħar xhur miż-żewġ banek prinċipali – il-BOV u l-HSBC. Dan ma jfissirx li kienu biss dawn il-banek li żiedu c-charges għaliex diversi banek oħra għollew jew
introduċew xi charges wara li l-akbar żewġ banek ħabbru li ser jagħmlu hekk.

Punt ieħor li tqajjem kien l-lingwa li tintuża hekk kif l-informazzjoni li tingħata tkun mimlija frażijiet finanzjarji tekniċi jew legali – termini li l-maġġoranza kbira tal-pubbliku ma jifhimhomx. L-Għaqda temmen li l-informazzjoni li tingħata lill-pubbliku għandha tkun miktuba b’mod li tiftihem għaliex inkella il-konsumatur jintrabat b’ħafna kundizzjonijiet
mingħajr ma jkun jaf u jifhem sew xi jfissru – kundizzjonijiet li wħud minnhom jistgħu jaħdmu kontra l-konsumaturi għall-vantaġġ tal-banek.

L-Għaqda wkoll irrimarkat dwar il-proċeduri burokratiċi li qed jintużaw mingħajr ma jiġi implimentat il-prinċipju tal-proporzjonalita’. L-Għaqda tifhem li hemm bżonn ta’ proċeduri biex ma jkunx hawn ħasil tal-flus, iżda temmen li dawn il-proċeduri għandhom jintużaw f’waqthom u mhux fuq konsumaturi li l-ammont ta’ flus involuti hu wieħed żgħir ħafna.