Lokali

L-Għawdxin ifaħħru l-proposti tal-PN fil-qasam tal-enerġija

Waqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien qed iżur diversi fabbriki, ħwienet u negozji oħra, kienu bosta dawk li għaddew kummenti pożittivi u li faħħru l-proposti li ħabbar il-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-enerġija.

Ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista ppropona pjan għall-enerġija msejjes fuq sitt pilastri. Proposti li l-għan aħħari tagħhom huwa li kulħadd jgħix ħajja aħjar f’ambjent iktar nadif.

Kien evidenti mill-kummenti li għamlu diversi persuni lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, mhux biss li dawn il-proposti niżlu tajjeb ferm magħhom, iżda li qanqlu entużjażmu ġdid għal viżjoni aktar moderna fl-enerġija, filwaqt li uħud saħansitra offrew pariri u ideat għal dan il-qasam.

L-Għawdxin kienu qed jirreaġixxu għal numru ta’ proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista sabiex il-qasam tal-enerġija jibidel biex jirriffletti ż-żminijiet tal-lum filwaqt li pajjiżna jaqleb ukoll għal enerġija aktar nadifa.

Il-pilastri li fuqhom msejjes dan il-pjan huma il-korrezzjoni tal-mod kif jinħadmu l-kontijet, kontijiet orħos tal-elettriku u reviżjoni tar-rata fuq l-ispill offs tal-enerġija mill-pannelli, l-implimentazzjoni ta’ hydrogen ready pipeline, investiment f’charging stations u traħħis tat-tariffa ta’ matul il-lejl, iż-żieda tat-tieni interconnector u l-użu ta’ windfarms fuq il-baħar.