Lokali

“Nuqqas ta’ ħsieb” mill-Prim Ministru

...iżda ma kisirx l-etika

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu jibqa’ bil-maskra, iżda ma kisirx l-etika. Din kienet il-konklużjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika meta irrefera għall-każ ta’ Ottubru li għadda meta Abela kien qed wieġeb domandi tal-ġurnalisti mingħajr ma kien liebes maskra.

Il-Kummissarju qal li kien ironiku li l-Prim Ministru neħħa l-maskra biex iwieġeb domanda proprju dwar l-użu tal-maskri, iżda dan fih innifsu jindika li l-każ seħħ minħabba nuqqas ta’ ħsieb u mhux għax il-Prim Ministru ried b’xi mod jisfida r-regolamenti.

Skont avviż legali li kien ħareġ il-Ministeru għas-Saħħa ftit ġranet qabel, diskors uffiċjali fil-pubbliku seta’ jsir mingħajr maskra, basta l-kelliem iżomm distanza ta’ mill-inqas żewġ metri, li f’dan il-każ ma kienx hemm.

Il-Kummissarju qal li f’ċirkostanzi bħal dawn ikun għaqli li l-istaff tal-Prim Ministru jitlob lill-ġurnalisti jersqu lura, u li l-Prim Ministru ma jweġibx, jekk iħoss li għandu jneħħi l-maskra, qabel ma l-ġurnalisti jżommu d-distanza ta’ żewġ metri.