Internazzjonali

‘Perseverance’: L-inżul tar-rover fuq Mars jiftaħ prospetti ġodda għall-esplorazzjoni spazjali

L-aġenzija spazjali NASA tal-Istati Uniti laqgħet b’sodisfazzjon kbir l-inżul tal-vettura spazjali ‘Perseverance’ f’zona tal-Pjaneta Mars li hi magħrufa bħala l-Jezero Crater.

L-inżul, fi kliem l-osservaturi, kapaċi jiftaħ paġna ġdida fil-qasam tal-esplorazzjoni spazjali u bin-NASA qed tħejji biex toħroġ ir-ritratti ġodda mill-vettura, magħrufa bħala rover. In-NASA, fil-passat, użat diversi drabi dan it-tagħmir robotiku biex issir taf aktar dwar il-pjaneti, iżda l-missjoni din id-darba qed tidher li laħqet livell ta’ esplorazzjoni spazjali ogħla mill-passat.

Bħalissa, numru ta’ satelliti jinsabu għaddejjin minn fuq il-vettura ‘Perseverance’ fejn qed iwasslu d-data importanti lejn id-dinja. Mistenni wkoll li joħorġu r-ritratti tar-rover fil-ħin tal-inżul fuq Mars flimkien ma’ ritratti tal-inħawi tal-pjaneta partikulari.

L-inżul tal-‘Perseverance’ kien wieħed perfett, bil-vettura spazjali tispiċċa fiċ-ċentru eżatt tal-landing zone speċifikat. Sadanittant, il-jiem li ġejjin se jkunu dedikati lill-ispezzjoni tal-vettura, meta n-NASA tkun trid taċċerta li l-apparat tar-rover ma ġarrabx xi ħsarat potenzjali waqt l-inżul.

Matt Wallace, id-deputy project manager man-NASA, qal li, għall-ewwel darba, l-aġenzija se tkun tista’ tara ‘filmat ta’ definizzjoni għolja tal-inżul fuq pjaneta oħra’ fost it-tamiet li l-filmat ikun ‘wieħed spettakolari li jilħaq l-ogħla aspettattivi tal-aġenzija’.