Ludvic Camilleri ta’ 44 sena mill-Qawra li għandu dipendenza qawwija mid-droga nżamm arrestat wara li ġie mixli b’serq ta’ flus kontanti minn ħamest iħwienet fil-Gżira u Tas-Sliema. Il-każi seħħew bejn l-10 u t-18 ta’ Frar li għadda
Is-serq kien isir billi jiġu sgassati l-ħwienet matul il-lejl u mill-‘cash register’ tagħhom jittieħdu bejn €200 u €300 fi flus kontanti, dan minħabba l-kilba kbira li allegatament Camilleri għandu għad-droga.
Minbarra l-akkużi dwar serq, huwa ġie mixli wkoll li għamel ħsara fi proprjetajiet ta’ ħaddieħor, li kiser sentenza tal-Qorti mogħtija lilu mill-Maġistrat Charmaine Galea u li sar reċediv.
Camilleri wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh bl-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana tagħmel talba għal-libertà proviżorja. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li Camilleri għandu problema akuta tad-droga u jista’ jerġa’ jagħmel reat ieħor jekk ma jnaqqasx il-kilba li għandu għaliha.
L-Ispettur Jonathan Ransley qal lill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li l-akkużat telaq mid-dar ta’ ommu u għamel ġimagħtejn jgħix f’lukanda. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-nuuqas ta’ affidabiltà ta’ Camilleri u ordnatlu li jinżamm taħt arrest preventiv.
//= $special ?>