Futbol Sport

Rebħiet importanti għal Fiorentina u Torino

(Ritratt: EPA)

Fi Stadio Artemio Franchi, Fiorentina kisbu rebħa importanti wara tliet partiti mingħajr ma jagħmlu dan meta għelbu lil Spezia 3-0. It-tliet gowls tal-Viola waslu kollha fit-tieni taqsima u kien propju fit-48 minuta li fetħu l-iskor permezz ta’ DUSAN VLAHOVIC. Fl-64 minuta, GAETANO CASTOVILLI għamilhom 2-0, biex fit-82 it-tim imexxi minn Cesare Prandelli għalaq l-partita permezz ta’ konklużjoni mill-isbaħ ta’ VALENTIN EYSSERIC.

F’partita diretta miż-żona relegazzjoni, Torino barra minn darhom għelbu lil Cagliari 1-0 biex b’hekk issa fetħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-istess Cagliari li jinsabu fit-18 -il post tal-klassifika. Il-gowl deċiżiv tal-partita wasal fis-76 minuta meta minn corner ta’ Mandragora, kien GLEISON BREMER li b’daqqa ta’ ras tajba għamel l-iskor 1-0 u ta’ tliet punti importanti lil Torino. B’konsegwenza ta’ din it-telfa, Cagliari keċċew lil kowċ Eusebio Di Francesco.