“Diżillużi ferm li s-Segretarju Parlamentari (Rosianne) Cutajar se tibqa’ għaddejja b’riforma li se tagħmel iktar ħsara lil nisa vulnerabbli” maqbuda fil-prostituzzjoni.
Sostniet dan Empower – federazzjoni ta’ 46 għaqda li jaħdmu f’diversi oqsma favur l-avvanz tal-mara u l-ugwaljanza – hekk kif Rosianne Cutajar qed tibqa’ tinsisti dwar ir-riforma fir-regolarizzazzjoni tal-prostituzzjoni kif imbottata mill-Gvern Laburista. Riforma li qed tiġbed ħafna kritika minn għaqdiet mhux governattivi.
Empower qalet li filwaqt li hu veru li hemm nisa li jagħżlu li jaħdmu fil-prostituzzjoni, dawn huma minoranza żgħira ħafna. Fir-realta’, il-maġġoranza kbira tan-nisa huma sfurzata fil-prostituzzjoni.
L-istess għaqda qalet li Rosianne Cutajar qed tiżvijja lill-pubbliku meta tgħid li l-għaqdiet tan-nisa kienu fiċ-ċentru ta’ din ir-riforma meta mbagħad tinjora għal kollox il-pariri ta’ esperti minn għaqdiet mhux governattivi.
L-għaqdiet qed jinsistu li mhux biżżejjed tneħħi l-kriminalizzazzjoni tal-prostituzzjoni iżda għandu jkun segwit il-mudell Nordiku li jagħmel ix-xiri ta’ atti sesswali reat kriminali.
Huma jsostnu li r-riforma kif inhi, se jkollha effetti ħżiena fuq nisa li diġa’ huma vulnerabbli minħabba s-sitwazzjoni li jinsabu fiha.
//= $special ?>