Il-vittmi tal-Covid-19 f’Malta komplew jiżdiedu hekk kif issa telgħu għal 303. Fl-aħħar sigħat mara ta’ 92 sena mietet fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex filwaqt li raġel ta’ 84 sena miet fl-isptar Mater Dei.
Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt instabu 199 każ ġdid ta’ Covid-19 f’pajjiżna bil-każijiet attivi jerġgħu jaqbżu l-2,500. Aħbar tajba hi li fiequ 106 persuni bl-ammont totali issa jlaħħaq is-17,933.
Minn mindu faqqgħet din il-pandemija lura f’Marzu tas-sena l-oħra, il-każijiet telgħu għal 20,762.
Sa issa ngħataw 62,059 doża tal-vaċċin filwaqt li 19,828 ingħataw iż-żewġ dożi.
Intant l-MUMN, il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel qalet li suppost kull klinika kienet se tingħata 80 doża kuljum, madanakollu il-President Paul Pace qal li l-proċess huwa evidenti li miexi bilmod ħafna hekk kif dawn qed jingħataw biss bejn 5 u 6 tilqim kuljum.
Huwa qal li fl-aħħar jiem 10 health centres ingħataw ftit dożi tal-vaċċin meta dawn f’daqqa għandhom il-potenzjal li jagħtu 800 doża kuljum jiġifieri 5,600 doża fil-ġimgħa. Huwa qal li b’dispjaċir fl-aħħar 10 t’ijiem mill-kliniċi lanqas biss ingħataw elf tilqima.
F’aħbar oħra s-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci l-Ġimgħa tul il-bulletin mediku, ikkonfermat li persuni li jittestjaw pożittiv jistgħu joħorġu mill-kwarantina mingħajr ma jagħmlu swab test ieħor ladarba ma jkollhomx sintomi.
//= $special ?>