Lokali

Ebda soluzzjoni għall-kirjiet ta’ qabel l-1995

Għal darb’oħra, il-Ministru tal-Housing, Roderick Galdes, ħalla lil dawk il-persuni, inkluż diversi anzjani, mingħajr risposta dwar il-problemi marbuta mal-kwistjonijiet tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 – sitwazzjoni li tista’ twassalhom sabiex jispiċċaw barra fit-triq.

Dan hekk kif waqt intervista li saret minn Reno Bugeja – meta mistoqsi x’soluzzjoni konkreta qed joffri lil dawn il-persuni, Galdes saħaq li jridu jistennew ftit ieħor biex jaraw kif ħa jġorr ir-responsabilita il-Gvern.

Meta mistoqsi b’insistenza dwar x’ser ikun qiegħed jagħmel il-Gvern ta’ Robert Abela b’rabta ma’ din is-sitwazzjoni, Galdes wieġeb hekk.

Dan b’kuntrast għal dak li ingħad fl-aħħar ġimgħat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista li l-Gvern huwa ta’ kulħadd u għandu jagħti widen lil kull wieħed u waħda minnha – għaldaqstant mingħajr ma jmiss il-jheddijiet tas-sidien, għandu l-obbligu li jassigura sistemi u akkomodazzjoni soċjali lill-persuni li qed jirriskjaw li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom minħabba l-kwistjoni tal-kirjiet.

Intant, bosta huma tal-ħsieb li Gvern Laburista għaddej b’pass kajman wisq partikolarment fejn jidħol housing soċjali. Dan hekk kif fl-aħħar 8 snin ma nbniet l-ebda binja soċjali mwiegħda – b’eluf ta’ persuni jistennew sabiex jingħataw saqaf fuq rashom – ħsieb espress ukoll minn Reno Bugeja.

Dan filwaqt li l-Ministru Galdes ammetta li 60% tal-persuni li jinsabu fil-waiting list huma kollha single parents – ommijiet jew missirijiet bi tfal waħedhom. Taħt Gvern Laburista, wara 8 snin, għadhom qed jistennew li jingħataw housing soċjali.