Futbol Sport

Everton jirbħu għall-ewwel darba f’Anfield sa mill-1999

(Ritratt: EPA)

Everton kisbu l-ewwel rebħa f’Anfield sa mill-1999 u l-ewwel rebħa fuq Liverpool sa mill-2010 meta f’Anfield għelbu liċ-champions 2-0. Everton kienu għadhom ġejjin minn telfa ta’ 3-1 kontra Manchester City filwaqt li għal Liverpool din kienet ir-raba’ telfa konsekuttiva fil-Premier League.

Everton kellhom bidu eċċellenti u fetħu l-iskor wara biss tliet minuti meta minn pass preċiż ta’ James Rodriguez, RICHARLISON ikkonkluda mingħajr ebda diffiultà għal wara Alisson. Il-partita baqgħet waħda bilanċjata matul l-ewwel taqsima, b’Liverpool jiddominaw il-pusses tal-ballun iżda ftit li xejn kienu perikolużi. It-tieni gowl ta’ Everton wasal fit-83 minuta meta r-referee ordna penalty wara li Trent Alexander-Arnold waqqa’ lil Dominic Calvert-Lewin fil-kaxxa biex minn ħdax-il metru, GLYFI SIGURDSSON ma żbaljax għal 2-0. Lejn it-tmiem Liverpool kellhom il-konklużjoni ta’ Georginio Wijnaldum salvata minn Jordan Pickford, b’Everton jiddefendu r-riżultat b’mod tajjeb sal-aħħar.

Chelsea kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Southamtpon. Dan jista’ jitiqies bħala l-aktar riżultat negattiv s’issa minn Chelsea taħt it-tmexxija tal-kowċ Ġermaniż Thomas Tuchel hekk kif kisbu erba’ rebħiet konsekuttivi. Għal Southamtpon, dan kien punt importanti li waqqaf is-sensiela ta’ telfiet li sofrew fl-aħħar partiti. Is-Saints marru fil-vantaġġ fit-33 minuta meta minn pass tajjeb ta’ Nathan Redmond, TAKUMI MINAMINO ma żbaljax. Chelsea wettqu reazzjoni tajba iżda kellhom jistennew sal-54 minuta biex iġibu l-iskor indaqs hekk kif Danny Ings waqqa lil Mason Mount fil-kaxxa bir-referee jordna penalty favur Chelsea. Minn ħdax-il metru l-istess MOUNT ma żbaljax. Fil-71 minuta Southamtpon kienu viċin li jmorru fil-vantapp meta d-daqqa ta’ ras ta’ Jannik Vestergaard ħabtet mal-mimduda. Chelsea pruvaw jieħdu t-tliet punti iżda ftit sabu spazji li jagħmlu dan sa tmiem it-tisfira finali.

F’Turf Moor, Burnley u West Bromwich Albion ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ mingħajr gowls. Miż-żewġ timjiet, West Brom kienu l-aktar kuntenti b’dan il-punt hekk kif kellhom jilgħabu għal aktar minn siegħa bi player anqas meta man-nofsiegħa logħob tkeċċa Semi Ajayi wara li mess il-ballun b’idu f’azzjoni perikoluża ta’ Burnley. Minkejja dan, West Brom setgħu ħadu t-tliet punti mill-konfront hekk kif fit-72 minuta, Mbaye Diagne wara azzjoni personali, ra l-konklużjoni tiegħu taħbat mal-mimduda u Mattheus Pereira ra t-tentattiv tiegħu mtajjar minn fuq il-linja.

F’partita minn naħa t’isfel tal-klassifika, Fulham saħħew it-tamiet tagħhom li jsalvaw posthom għal staġun ieħor fil-Premier League hekk kif għelbu lit-tim tal-qiegħ Sheffield United 1-0. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fil-61 minuta minn ADEMOLA LOOKMAN.

PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ: Wolves v Leeds 1-0 Illum: Southampton v Chelsea 1-1, Burnley v WBA 0-0, Liverpool v Everton 0-2, Fulham v Sheff. Utd 1-0 Għada: West Ham v Tottenham 1.00pm, Aston Villa v Leicester 3.05pm, Arsenal v Man City 5.30pm, Man Utd v Newcastle 8.00pm It-Tnejn: Brighton v C. Palace 9.00pm