Futbol Sport

Fgura jagħtu l-ewwel telfa lil Pembroke

Chris Cassar

PEMBROKE A. ………………..0
FGURA U………………………..1

Pembroke A: P. Schranz, A. Marshall, K. Farrugia, D. Sant, K. Frendo, Pedrinho, N. Frendo, A. Abdul, T. Fenech, C. Zammit, J. Bajada
Fgura U: L. Moore, T. Yanagizawa, C. Ciantar, J. Barbara, T. Grech, G. Martin, O. Mifsud, C. Gandini, S. Borg, C. Caruana, N, Ojuola
Referee: Aleksander Jovanovic

Pembroke sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun meta kontra kull mistenni u meta lagħbu għal kważi taqsima bi plejer iktar, kienu megħluba minn Fgura 1-0, gowl skorjat minn Ojuola fl-ewwel taqsima, bl-istess plejer minbarra li kien eroj għal gowl skorjat, kellu logħba mpekkabbli fil-qalba tad-difiża ta’ Fgura. Wara ftit minuti xutt ta’ Pedrinho mar ftit għoli u wara għaxar minuti xutt ta’ Bajada mar ftit barra. Iktar ma beda għaddej il-ħin iktar Pembroke bdew iżidu fl-isforzi tagħhom iżda Fgura kienu ferm attenti u koperti fid-difiża.

Fit-32 minuta l-isbaħ opportunita’ għal Pembroke meta minn azzjoni ta’ korner Abdeen Abdul bir-ras minn qagħda ideali xeħet barra. Fit-tieni taqsima Pembroke ħarġu fuq l-attakk u fid-59 minuta Fgura spiċċaw b’għaxar plejers meta Owen Mifsud intwera t-tieni karta safra. Il-logħba issa saret assedju minn Pembroke, assedju konfuż għaliex Pembroke ma setgħux jinfdu d-difiża ta’ Fgura. Minkejja li l-assalt baqa’ għaddej sat-tmiem il-gowl tad-draw baqa’ ma wasalx u Pembroke kellhom ibaxxu rashom għall-ewwel telfa.

SAN GWANN ……………….5
QORMI ………………………2

San Gwann: C. Formosa, Q. Adediran, C. Gauci, S. Kujper, O. Spiteri, C. Attah, Z. Bowman, A. Zammit, C. Omoruanzoje, G. Pace, A. Falzon.
Qormi: M. Falzon, O. Sidibe, M. Busuttil, R. Uriu, L. Theuma, R. Caruana, M. Busuttil, I. Mizzi, N. Gauci, A. DA Silva Oliveira, I. Zammit.
Referee: Alex Johnson

San Gwann irritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet konsekuttivi biex komplew jittamaw fit-tielet pożizzjoni. Kontra Qormi l-logħba kienet mingħajr storja u dan minkejja l-impenntal-Qriema li taw kollox tul id-90 minuta. Kif kien mistenni San Gwann ħareġ mill-ewwel fuq l-attakk biex jipprova jfittex gowl kmieni u jserraħ rasu mir-riżultat.
Minn naħa tagħhom Qormi kellhom jiddefendu u minkejja l-impenn tal-plejers ftit li xejn kienu kostruttivi fl-attakk. San Gwann għalkemm attakkaw kellhom jistennew sal-34 minuta biex fetħu l-iskor b’azzjoni ta’ Adediran li għadda tajjeb fuq ix-xellug u qassam għan-nofs lejn Chibueze Attah li skorja mill-viċin. Inqas minn sittin sekonda wara l-iekos sar 2-0 b’azzjoni fotokopja tal-ewwel gowl.

Għal darb’oħra Adediran ma kellux oppożizzjoni fuq ix-xellug u qassam lejn Andrea Zammit li minn fuq il-penalty spot spara xutt ċentrali iżda b’saħħtu li għeleb għal kollox lil Falzon. Kif bdiet it-tieni taqsima San Gwann għamluhom tlieta meta Chibueze Attah b’lob preċiż għeleb lil Falzon. Minuta wara Qormi naqqsu l-iskor b’azzjoni ta’ Uriu li qassam lejn is-sostitut Luke Farrugia li skorja b’xutt bomba.

Fil-61 minuta r-raba’ gowl ta’ San Gwann b’azzjoni ta’ Andrea Zammit li b’altruwiżmu qassam lejn Adediran li skorja f’lasta vojta. Fit-82 minuta Qormi reġgħu naqqsu l-iskor meta minn azzjoni ta’ korner kien hemm id-daqqa ta’ ras stupenda ta’ Sidibe li għeleb għal kollox lil Sciberras.
Fid-90 minuta Qormi wkoll sfortunati meta xutt ta’ Luke Farrugia stampa mal-mimduda u fit-92 minuta s-sostitut Petar Kanzurov skorja l-ħames u l-aħħar gowl b’xutt fil-baxx.