Lokali Saħħa

Gvern Laburista qed ikompli jagħlaq għajnejh għall-ingustizzja li qed issir mal-impjegati ta’ Steward

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) jikkundanna l-fatt li l-Gvern Laburista qed jinjora kemm ftehim li sar b’mod verbali u kif ukoll bil-miktub. Dan meta tlett xhur wara li l-istess Gvern Laburista wiegħed li l-ħaddiema ta’ Steward Health Care se jibdew igawdu mill-istess drittjiet u kundizzjonijiet ta’ xogħol bħall-impjegati tas-settur pubbliku, u dan
għadu ma daħalx fis-seħħ.

Il-qbil bejn il-Gvern u l-UĦM Voice of the Workers kellu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021 u dawn l-impjegati kellhom jirċievu arretrati minn l-1 ta’ Jannar 2019. Dan kollu ma seħħx u l-professjonisti ta’ Steward Health Care għadhom qegħdin ibatu dawn l-inġustizzji.

Ta’ min ifakkar li l-impjegati ta’ Steward Health Care mis-settur tal-Allied Health Professionals, fuq perjodu ta’ erba’ snin qalgħu madwar €6,800 inqas mill-kollegi tagħhom, minkejja li jagħmlu l-istess xogħol identiku u bl-istess kwalifiki. Apparti dawn id-diskrepanzi fis-salarji, hemm diskrepanzi evidenti f’kundizzjonijiet oħra relatati ma’ vacation leave, allowances u family-friendly measures.

Huwa ta’ dispjaċir li ninnutaw li l-Gvern Laburista, qed ikompli jinsa l-għeruq tiegħu bħala s-suppost partit tal-ħaddiema, u jagħlaq għajnejh u widnejh għall-ingustizzja li qed issir ma kull jum li jgħaddi ma’ dawn l-impjegati.

Il-FPPN determinat li joffri s-sapport lil dawn l-impjegati u jkompli jġedded l-impenn tiegħu biex l-inġustizzji mal-ħaddiema jieqfu u jingħataw dak li ħaqqhom daqs il-kollegi tagħhom fl-istess skali.