Lokali

“Hu essenzjali li jkun hemm ċertu livell ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-fehmiet u l-għażliet” – Repubblika

Permezz ta’ stqarrija mibgħuta lill-President ta’ Malta, Repubblika laqgħet b’sodisfazzjon l-inizjattiva li tiġi mnhedija diskussjoni dwar “l-għaqda
nazzjonali” f’Malta.

Huma iċċaraw ukoll l-fatt li għalkemm jippreferu l-paċi flok it-tilwim, il-ftehim flok in-nuqqas ta’ qbil, u d-diskussjoni bil-kelma t-tajba flok il-protesti storbjużi, jidhrilhom li ma jeżisti l-ebda mument opportun biex jitrażżan in-nuqqas ta’ qbil rigward xi kwistjonijiet ta’ kontroversja nazzjonali biex minflok ikollna taparsi paċifikazzjoni jew inkunu parteċipi
f’realtajiet li ma naċċettawx li għandhom ikunu karatteristika permanenti tal-ħajja f’Malta.

Jidhrilhom wkoll li f’demokrazija vera hu essenzjali li jkun hemm ċertu livell ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-fehmiet, l-opinjonijiet u l-għażliet, u li dan jingħad bi ftuħ, b’onestà u b’rispett lejn il-fehmiet differenti. Dan ikun jixhed ċittadinanza responsabbli li l-Istat għandu jgħożż u jippromwovi.
Hemm kwistjonijiet urġenti li jeħtieġu l-attenzjoni mingħajr dewmien ta’ din il-komunità, li ħafna drabi tkun aljenata mill-emorraġiji serji li qed tippermetti.

Mhux biss inkunu qed nittradixxu l-missjoni tagħna bħala organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li titħabat kontinwament għas-saltna tad-dritt, għad-demokrazija, għad-drittijiet ċivili u għal-libertà tal-kelma, iżda nkunu qed nittradixxu wkoll lil pajjiżna kieku kellna nagħtu lġenb il-lista ta’ kwistjonijiet ta’ prijorità fosthom, iżda mhux biss:

a. L-impunità li qed tgawdi l-kriminalità organizzata li firxet għeruqha u jidher li qed taħkem kull aspett ta’ ħajjitna f’Malta, inkluż il-politika, l-amministrazzjoni, l-istituzzjonijiet, il-midja, in-negozji u l-isports;

b. It-teħid tal-ispazji pubbliċi, il-qerda tal-ambjent naturali, it-tnawwir tal-kwalità tal-ħajja urbana, l-istupru tal-pajsaġġ Malti, u ż-żieda fit-tniġġis tal-ħamrija, talarja u tal-ilma, li lkoll isawru sfond għat-tibdil fil-klima.

c. Id-dominanza tal-attivitajiet etikament dubjużi fit-tessut ekonomiku ta’ pajjiżna b’dipendenza nazzjonali fuq l-evitar tat-taxxa, il-kompliċità fl-evażjoni tat-taxxa, il-logħob tal-azzard fuq l-internet, u l-kollaborazzjoni mal-attivitajiet dubjużi tassinjuruni billi nostrulhom l-identità tagħhom;

d. Il-falliment tal-Istat Malti milli jressaq quddiem il-ġustizzja lill-persuni konnessi mal-qtil ta’ ġurnalista, u jiżgura l-kundanna kriminali li ħaqqhom;

e. Ir-razziżmu sistematiku fil-politika pubblika, fl-amministrazzjoni pubblika u fiddeċiżjonijiet politiċi fil-konfront tal-migranti, l-aktar iżda mhux biss, l-Afrikani jew il-persuni ta’ dixxendenza Afrikana. Ħafna persuni li qed jgħixu fostna mhux jitħallew iħossuhom komdi jagħmlu pajjiżna d-dar tagħhom ukoll;

f. Iż-żieda fl-inugwaljanzi ekonomiċi b’aktar persuni esposti għar-riskju tal-faqar u wħud ibatu l-privazzjoni minn ħtiġijiet bażiċi, fosthom is-saqaf, l-ikel u lkundizzjonijiet sanitarji;

Dawn huma wħud mill-kawżi tan-nuqqas ta’ għaqda fil-komunità tagħha. Fil-fehma tagħhom, huwm rifless ta’ tnawwir sottostanti tal-valuri meħtieġa għal demokrazija vera u biex komunità ta’ nies tgħix f’paċi magħha nnifisha.