Coronavirus Knisja Lokali

“Il-Coronavirus wera kemm hawn persuni li jħossuhom iżolati”

"Il-maħfra mhux impunità, il-maħfra għandha bżonn ir-rispett tal-verità"

Ispirati mill-enċiklika tal-Papa Frangisku Fratelli Tutti, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qed jistiednu lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex b’mod speċjali matul ir-Randan jibnu soċjetà ta’ għożża u solidarjetà.

Fl-ittra pastorali tagħhom għar-Randan ta’ din is-sena, huma qalu wkoll li matul dan iż‑żmien tal-pandemija żdiedu l‑problemi ta’ saħħa mentali u ta’ tbatija fir‑relazzjonijiet.

L-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi tkellmu dwar il-perjodu li qed ngħixu fih, b’referenza mhux biss għar-Randan imqaddes iżda wkoll dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija. Fakkru wkoll li din is-sena l-Papa Franġisku iddedikaha lil San Ġużepp.

“Nitolbu lil San Ġużepp biex din is-sena inkomplu nikbru fl-għożża ta’ xulxin u nibnu relazzjoni anki f’kuntest tal-Covid u wara tas-soċjetà mibnija fuq is-solidarjetà”

L-Isqfijiet tennew li l‑pandemija tal‑COVID‑19 ħarġet aktar fid‑deher kemm hawn persuni li jħossuhom iżolati u waħedhom, jew b’sens ta’ vojt kbir f’ħajjithom.

L-ittra Pastorali kompliet titkellem dwar il-maħfra, li għandha tinbena fuq il-verità u l-ġustizzja.

“Il-maħfra trid tinbena wkoll fuq il-verità u l-ġustizzja…. il-maħfra mhux impunità, il-maħfra għandha bżonn ir-rispett tal-verità”

L-isqfijiet tennew li flimkien nistgħu naħdmu għal soċjetà mingħajr ħitan u mingħajr fruntieri li jifirduna, għaliex hu b’dan il‑mod li jista’ jingħeleb il‑virus tal‑individwaliżmu. Qalu li dan jista’ jsir ukoll permezz tad‑djalogu li jirrispetta, isaħħaħ u jfittex il‑verità.

Aqra aktar hawnhekk.