Lokali

“Il-PN se jibqa’ jagħti spazju lil kull persuna” – Francis Zammit Dimech

“Il-Partit Nazzjonalista kien u se jibqa’ jagħti widen u spazju lil kull persuna li għandha żvantaġġ f’kull settur tal-ħajja.”

Hekk stqarr is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Francis Zammit Dimech waqt il-programm ippreżentat minn Andrew Azzopardi fuq 103FM fejn spjega li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq quddiem nett biex jagħti spazju lil kulhadd… inkluż lin-nisa fil-politika.

“Il-PN dejjem emmen fin-nisa, u emmen fin-nisa bis-serjetà,” qal Francis Zammit Dimech. “Aħna għandna nisa fl-għola karigi tal-Partit Nazzjonalista. Riċentament għamilna wkoll ħatrit ġodda. Waħda mill-ħatriet kienet ta’ President tar-Riċerka Politika, Martina Caruana.”

Rigward il-kwistjoni tal-prostituzzjoni, Francis Zammit Dimech insista li ghandhom jigu protetti in-nisa li jkunu sfurzati.

“Nemmen li l-Gvern mhux qed jipproteġi lil mara, anzi qed iħalliha tiġi trattata bħala oġġett,” qal Zammit Dimech. “Veru li jkollok numru, iżda numru żgħir ħafna ta’ dawk li jgħażlu dik l-attività bħala x-xogħol tagħhom. Imma dak hu numru tant żgħir meta kkumparat ma’ dawk li jkunu sfurzati jidħlu f’dawn iċ-ċrieki. B’hekk, hawnhekk inkunu mhux biss qed nagħmlu pass ‘il quddiem favur in-nisa imma ħafna passi ‘l quddiem.”

Waqt dan il-programm, li fih ippartecipat il-President tal-PL Ramona Attard, Francis Zammit Dimech qal ukoll li l-Gvern mhux qed jagħti l-istess opportunitajiet liż-żgħażagħ kollha li jkunu ilhom snin jistudjaw.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN spjega wkoll kif il-Partit Nazzjonalista jħares lejn il-legalizzazzjoni tal-kannabis.

“Il-pożizzjoni tal-PN hi pożizzjoni li dejjem kienet konsistenti fuq dan is-suġġett,” qal Zammit Dimech “Jiġifieri inti m’għandikx tagħmel att kriminali, f’dan il-każ min qed juża’ l-kannabis purament għall-użu personali tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista qatt ma ried li dak li jużaha għall-użu personali tiegħu u ħaddieħor li qed jagħmel negozju minn dan is-suġġett jiġu trattati fuq l-istess livell u tkellimna ċar fuq hekk.”