Sport Sport Ieħor

Neptunes b’kamp ta’ taħriġ fil-Bulgarija

Seba’ għawwiema ta’ Neptunes u l-kowċ tagħhom irritornaw f’pajjiżna minn kamp ta’ taħriġ ta’ tliet ġimgħat b’Belmeken il-Bulgarija. Il-kamp ta’ taħriġ kien miżmum bejn il-muntanji ta’ Rhodope u Rila, bl-organizazzjoni tkun affetwata minħabba l-pandemija tal-coronavirus, iżda bl-għajnuna ta’ dawk kollha nvoluti kien deskritt bħala wieħed ta’ suċċess.

It-tim li kien jitħarreġ għal sitt sigħat kuljum, bl-għawwiema jirnexxielhom jagħmlu 200km fi tliet ġimgħat. Il-ġurnata tal-għawwiema kienet tibda bil-kolazzjon kmieni filgħodu u wara kienu jittrenjaw darbtejn kulhum fil-pixxina. Bejn is-sessjonijiet ta’ taħriġ, l-għawwiema kienu jattendu għal-lezzjonijiet tal-iskola b’mod virtwali.

Din ma kinitx l-ewwel esperjenza għall-kowċ Roland Eskudt fejn qal li hu kien kuntent ferm bit-tim kollu fejn l-għawwiema wrew livell ogħli ta’ professjonalità.

Dan il-kamp ta’ taħriġ kien possibli grazzi għal Sport Malta, l-ASA u t-tim tal-Għawm ta’ Neptunes li ffinanzjaw din l-esperjenza kif ukoll l-għalliema fl-Junior College u l-Università ta’ Malta li offrew l-għajnuna tagħhom biex din l-esperjenza setgħat tkun possibli