Internazzjonali

Barċellona: Ikomplu l-iljieli ta’ straġi, vandaliżmu u vjolenza

Il-pulizija Spanjola għal kontra l-irvellijiet f’Barċellona fi tmiem il-ġimgħa kellhom iwieġbu għall-ħames lejla ta’ protesti vjolenti minn gruppi ta’ persuni – inklużi elementi delinkwenti – li kienu qed jipprotestaw dwar l-arrest u priġunerija sussegwenti tal-kantant rapper Katalan, Pablo Hasel.

Ir-rapper kien arrestat jiem ilu minħabba tweets u l-lirika ta’ kanzunetta li jinsulentaw lill-pulizija kif ukoll lill-membri tal-Familja Rjali Spanjola .

Is-sitwazzjoni qajmet dibattitu jaħraq dwar il-liġijiet dwar il-libertà tal-espressjoni fi Spanja u issa Pablo Hasel mistenni jiskonta massimu ta’ disa’ xhur ħabs, fost akkużi li hu qiegħed ‘jigglorifika t-terroriżmu’.

Qabel spiċċa arrestat, dan ir-rapper kien ingħalaq fl-Università ta’ Lleida f’tentattiv iddisprat biex ma jispiċċax il-ħabs, iżda l-arrest tiegħu, fiċ-ċirkustanzi, kien inevitabbli.