Coronavirus Lokali

COVID-19: Imut raġel ieħor; 130 każ ġdid

Fl-aħħar 24 siegħa, raġel ta’ 72 sena tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei kawża tal-Covid-19 biex it-total ta’ vittmi issa jlaħħaq it-304.

Dan tħabbar mill-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook, fejn kien spjegat ukoll kif fl-aħħar sigħat instabu 130 każ pożittiv ġdid, bit-total ta’ każi pożittivi s’issa f’pajjiżna s’issa jlaħħaq l-20,892.

Min-naħa l-oħra, fortunatament, fl-aħħar sigħat fiequ 134 persuna biex l-ammont ta’ każi attivi bħalissa hu ta’ 2,521. Il-Ministeru spjega wkoll li sas-Sibt ingħataw 63,308 dożi tal-vaċċin, b’20,189 minnhom kienu t-tieni doża.

U meta l-Prim Ministru Robert Abela, fid-diskors politiku tiegħu tal-Ħadd filgħodu, qal li skont hu, il-proċess tat-tilqim jinsab fl-aqwa tiegħu.

“Kemm jien eċitat għall-ġimgħat li ġejjin biex inkomplu nimplimentaw ir-riformi filwaqt li nkomplu  nlaqmu kemm jista’ jkun nies kontra l-COVID-19,” qal Abela. “Il-pjan ta’ tilqim tal-COVID miexi b’saħtu. Mhux biss miexi b’saħtu iżda aqwa milli ħsibna.”

Iżda mhux tal-istess idea l-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel, l-MUMN. Dan hekk kif, fi stqarrija, il-President tal-Union Paul Pace qal li hu evidenti li l-proċess miexi bilmod ħafna, b’kull Klinika qed tingħata biss bejn 5 u 6 tilqim kuljum, minkejja l-wegħda li dawn kellhom jingħataw 80 doża kuljum.