Lokali

Fid-diskors tiegħu, Abela jinjora għal kollox l-akkużi dwar Rosianne Cutajar

Jispiċċa jikkopja lill-Partit Nazzjonalista...u jipprova jitkellem dwar il-kirjiet

Minkejja l-aħħar informazzjoni li ġiet żvelata mis-Sunday Times u li tikkonferma l-qrubija li teżisti bejn Fenech u s-Segretarju Parlamentari Laburista, tant li f’waħda mic-chats bejniethom, Yorgen jgħid lil Rosianne Cutajar “se nkun dejjem hemm għalik biex ngħinek”, jibqa’ jippersisti s-skiet totali minn Robert Abela, li l-Ħadd filgħodu evita għalkollox dan l-iskandlu u ma ċaħad xejn minn dak li ġie żvelat.

Sitwazzjoni li s-Sindku Laburista tal-Imtarfa, Daniel Attard, indirizzaha b’mod ċar waqt id-diskors tiegħu, tant li rrikonoxxa l-fatt li bejn il-Grupp Parlamentari Laburista hemm tensjoni liema bħalha.

“Nistgħu ma naqblux fid-dressing room,” qal Attard.

U wara kważi xahrejn li l-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwar il-problema tal-kirjiet, kien biss issa li l-Prim Ministru irrealizza li għandu kriżi f’ħoġru, filwaqt li kkonferma li għadu ma ressaq l-ebda soluzzjoni, tant li l-pjan tiegħu għadu jrid jitfassal.

“Aħna Gvern li se nkunu wara n-nies u ma nħalluhomx weħidhom,” qal Abela.

Riforma li Abela stess ammetta li jipprendiha.

“Nistqarr ħaġa magħkom, jekk tgħiduli kien hemm ħaġa li tbeżżani jew li kont qed nipprendiha waqt li dan il-moviment ikun fil-Gvern kienet li xi darba din ir-riforma jkollha issir,” kompla jgħid Abela.

Robert Abela kompla jgħid li l-Kabinett se jiddiskuti din il-materja t-Tnejn filgħodu.

“Dan huwa Gvern li ma jinjorax id-diffikultajiet tan-nies u wisq inqas jitfa’ il-problemi taħt it-tapit,” qal Abela

Dan filwaqt li l-gazzetta il-mument żvelat li għat-Tnejn ukoll issejħet laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari Laburista. Għalkemm l-aġenda għal din il-laqgħa ma tħabbritx, NET News jista’ jikkonferma li Abela se juża’ din il-laqgħa biex jipprova jtaffi xi ftit mill-effetti li kellu fuq il-Partit tiegħu l-iskandlu ta’ Rosianne Cutajar. U sadanittant, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, għall-Ministru Michael Falzon din “mhix sempliċiment id-daqq tal-mużika, imma qed ngħinu n-nies jiżfnu.”

Iżda filwaqt li skont Falzon, Robert Abela jemmen fil-ġustizzja soċjali, imkien ma semma’ x’soluzzjonijiet qed jagħti lill-familji li qed jiffaċjaw problemi serjissimi minħabba s-sitwazzjoni tal-kirjiet l-antiki. Jew għal dawk li bħalissa qed jgħixu fil-garaxxijiet jew f’karavans.

“Taħt il-Lejber, you will never walk alone,” spiċċa jgħid Falzon.