Lokali

Il-Kummissarju għall-Istandards għandu quddiemu dokument jaħraq dwar Rosianne Cutajar

Filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela sa issa baqa’ kompletament ċass fid-dawl tal-iskandli li protagonista ewlenija fihom hija s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, il-Kummissarju għall-Istandards jidher li għandu quddiemu għadd ta’ dokumenti – kollha marbuta mal-istess deputat Laburista.

Net News jinsab infurmat li l-Kummissarju għall-Istandards Pubbliċi bħalissa għandu quddiemu rapporti u dokumenti li jikkonfermaw li s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rosianne Cutajar hija nvoluta f’teħid ta’ flejjes kbar mingħand Yorgen Fenech. Fenech jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Filfatt, minbarra r-rapporti li dehru fil-media dwar kif Rosianne Cutajar allegatament ħadet ħlas fi flus kontanti ta’ eluf ta’ ewro mingħand Fenech, George Hyzler għandu dokument ieħor importanti.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News ikkonfermaw li quddiem Hyzler hemm affidavit li jikkonferma li Rosianne Cutajar irċeviet eluf ta’ ewro fi ħlas għal senserija minn bejgħ ta’ propjetà fl-Imdina.

L-affidavit sar minn sid il-propjetà, Joe Camilleri, li fih jiddikkjara li fil-preżenza tiegħu stess, Rosianne Cutajar ingħatat mazz flus minn Yorgen Fenech bħala ħlas, u li anke hu stess ħallas lill-istess Cutajar dan il-mod.

Ironikament dan l-affidavit ġie ffirmat quddiem in-nutar Ian Castaldi Paris, li hu deputat Laburista.

Rosianne Cutajar qatt ma ċaħdet li ħadet dawn il-flus. Qalet biss illi qatt ma ħadet flus biex taġevola lil xi ħadd politikament.

Wara li għal xhur u snin il-Ministri, Segretarji Parlamentari u Deputati tal-Lejber iddefendew lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri u d-deċizjonijiet li kien qed jagħmel dwarhom Joseph Muscat, issa jidher li reġgħu sabu ruħhom fl-istess sitwazzjoni, b’Robert Abela qed jinħeba wara l-istituzzjonijiet u jiddefendi lil Rosianne Cutajar, filwaqt li jibqa’ ċass quddiem l-iskandli li ħerġin dwarha.

Inant il-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari għal għada t-Tnejn, u mhux eslkluż li l-kwistjoni ta’ Rosianne Cutajar tkun fuq nett fuq l-aġenda.