Sidien ta’ diversi meded ta’ art fin-Nadur intesew għalkollox minn Robert Abela u l-Gvern tiegħu. U dan minkejja li sena ilu kienu mwegħda minn Abela stess li kellu jsibilhom soluzzjoni għat-tħassib tagħhom.
L-artijiet ta’ dawn il-familji spiċċaw irreġistrati minn Fondazzjoni privata u għalhekk, dawn jinsabu nkwetati ladarba djarhom jinsabu mibnijin fuqhom, fi proċess li mill-ewwel qajjem dubji jekk sarx sew.
Dwar din is-sitwazzjoni tkellem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt l-attività politika fir-Rabat Għawdex wara li l-Ġimgħa li għadda, hu żar lil ħafna minnhom u sema’ t-tħassib tagħhom
Bernard Grech qal li, minkejja l-wegħda li Robert Abela għamlilhom sena ilu, ma sar xejn u l-inkwiet ta’ dawn il-familji żdied u mhux naqas. Spjega wkoll li jekk il-Gvern jibqa’ ma jsibx soluzzjoni, se jkun il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li jinvestiga bis-serjetà.
Ladarba jidher, kompla Bernard Grech, li hemm nuqqasijiet bil-bosta, Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jirtira r-reġistrazzjoni u jekk hemm bżonn, jippreżenta l-emendi meħtieġa fil-Liġi.
//= $special ?>