Għawdex Lokali

Il-PN iżomm lil Għawdex fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jitkellem dwar kif jista’ jinħoloq xogħol ta’ kwalità tajba u b’pagi tajbin f’Għawdex għall-Għawdxin. U għax il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu u għad għandu lil Għawdex fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu, fl-aħħar jiem it-tiġdid tal-Partit qed ikompli wkoll f’din il-gżira.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt l-attività politika fir-Rabat Għawdex. Hemm hu spjega kif dan it-tiġdid sarraf f’entużjażmu ġdid bl-esperjenza ta’ nies li servew għal snin mal-enerġija ta’ numru ta’ żgħażagħ li qed jidħlu fil-Kumitati Sezzjonali tal-Partit għall-ewwel darba.

Bernard Grech fakkar li l-Partit Nazzjonalista jqis lil Għawdex gżira reġjun u għalhekk, li għaddejja l-ħidma dwar ir-rapport li talab hu stess dwar il-qagħda soċjo-ekonomika ta’ din il-gżira, b’ħidma kkordinata mill-Kumitat Reġjonali u mid-Deputati flimkien mal-Kandidati tal-Partit f’Għawdex.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-Partit immexxi minnu diġà qal li jrid Kunsill Reġjonali għal Għawdex, elett mill-Għawdxin u b’poteri eżekuttivi u finanzi adegwati biex jaħdem. Dan filwaqt li jrid ukoll trasport tal-merkanzija bejn Għawdex u l-Port il-Kbir jew il-Port ta’ Marsamxett.

Fakkar ukoll kif kien il-Partit Nazzjonalista li ressaq Mozzjoni biex jitwaqqaf Kumitat Parlamentari għal Għawdex. Madankollu, il-Partit Laburista pprova joqtlu billi għamel ħames xhur ma jlaqqgħux.

Bernard Grech qal li wara li diversi meded ta’ art kienu rreġistrati minn Fondazzjoni, għaddiet sena minn meta Robert Abela żar lill-familji milquta, iżda ma sar xejn u l-inkwiet ta’ dawn żdied u mhux naqas. U għax il-proċess jidher li ma sarx sew, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jassigura li tinstab soluzzjoni billi jkompli jagħmel pressjoni.

Fl-istess waqt, ħabbar li jekk il-Gvern Laburista jibqa’ ma jsibx soluzzjoni, Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jinvestiga serjament u mal-iċken nuqqas li jinstab, ir-reġistrazzjoni tkun irtirata u jekk hemm bżonn il-Liġi tinbidel kif meħtieġ.

Bernard Grech ħabbar ukoll li Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, f’waħda mill-ewwel inizjattivi tiegħu, jara li fejn hu possibbli, ħaddiema Għawdxin f’Malta jingħataw mill-anqas jumejn fil-ġimgħa teleworking jew jaħdmu minn Għawdex stess. Dan b’obbligu fuq id-Direttur, Kap tad-Dipartiment jew Awtorità Pubblika u mhux jekk irid u jekk jogħġbu biss.

Min-naħa l-oħra, fis-settur privat, Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jara li jingħataw inċentivi b’saħħithom biex min iħaddem ukoll ikun jista’ jimxi fuq l-istess linji.

Dwar il-proposti għall-qasam tal-Enerġija li ħabbar il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem, Bernard Grech qal li dawn għandhom l-iskop li titjieb il-ħajja bit-traħħis fil-kontijiet tad-dawl illum, iżda anke għall-ġenerazzjoni li jmiss. Spjega li għall-Partit Nazzjonalista, hu importanti li 10 u 20 sena oħra, uliedna jsibu pajjiż f’saħħtu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għad-diskussjoni dwar il-pussess tal-kannabis għall-użu personali responsabbli, fejn fakkar kif, bħalma kien fl-2015, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ favur li jiddiskuti miżuri li jiddikriminalizzaw dan. Fl-istess waqt qal li l-Partit immexxi minnu jibqa’ favur it-tfal tagħna u li dawk li jaqgħu fil-vizzju tad-droga jkunu mgħejjuna.

Bernard Grech qal li kwalunkwe leġislazzjoni trid tkun tifforma parti minn Pjan Nazzjonali li jindirizza bis-serjetà l-problema tal-abbuż tad-droga u s-sustanzi, tant li jipproponi miżuri biex jitwaqqaf l-abbuż. Għalhekk, kif din il-leġislazzjoni tkun ippubblikata, il-Partit Nazzjonalista se jara kif din titjieb u tissaħħaħ.

Dwar il-pandemija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota kif fl-aħħar jiem il-Gvern kompla jadotta proposti tal-Partit immexxi minnu fl-immaniġġjar tal-pandemija. Min-naħa l-oħra, appella lill-Gvern biex ikun aktar kawt, issa li ġie stabbilit li hawn ukoll il-varjant l-ieħor tal-Afrika ta’ Isfel.