Internazzjonali

Il-vaċċini kontra l-Covid-19: L-adulti kollha fir-Renju Unit se jkunu offruti t-tilqima sal-31 ta’ Lulju

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, wiegħed li l-adulti kollha f’dan il-pajjiż se jkunu offruti l-ewwel tilqima b’vaċċin għal kontra l-coronavirus qattiel sal-aħħar ta’ Lulju li ġej.

Filwaqt li r-Renju Unit hu fost l-aktar pajjiżi fid-dinja li għaddejjin bi programmi aggressivi ta’ prevenzjoni fid-dawl tal-pandemija, hu kkonfermat li ‘il fuq minn 17-il miljun resident s’issa ingħataw it-tilqima mindu l-pajjiż beda d-distribuzzjoni (rollout) tal-vaċċin f’Diċembru li għadda.

Madankollu, Boris Johnson hu determinat li l-Gvern tiegħu xorta ma jitlifx l-iċken opportunità biex jikkontrolla s-sitwazzjoni mill-aktar fis u fejn hu qal ċar u tond li ‘irid li l-programm tat-tilqim f’pajjiżu jirranka b’mod li n-nies jitlaqqmu malajr kemm jista’ ikun’.

Hu spjega li ż-żmien speċifikat għat-tilqim tal-adulti kollha residenti fir-Renju Unit jippermetti biex in-nies vulnerabbli jkunu protetti aktar malajr — u bil-konsgwenza li jkunu jistgħu jonqsu r-regoli tal-lockdown madwar il-pajjiż.

Sir Simon Stevens, il-Kap Eżekuttiv tal-NHS England ( is-Servizzi tas-Saħħa) qal li hemm sinjali bikrija li d-distribuzzoni tal-vaċċin u l-programmi tat-tilqim li għaddejjin bħalissa fir-Renju Unit qed jikkontribwixxu mhux ftit għat-tnaqqis fis-sitwazzjonijiet fejn il-persuni morda bil-Covid-19 ikunu jeħtieġu li jiddaħħlu l-isptar għal trattament.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Johnson, qed jiltaqa’ ‘mal-Ministri ewlenin tal-Kabinett biex huma jaraw kif jistgħu jnaqqsu xi aspetti tal-lockdown fl-Ingilterra.

Mistenni wkoll li Boris Johson, għada, iħabbar id-dettalji ta’ road map sħiħ għall-pajjiż li jaħseb għal din il-fażi partikulari tal-pandemija.