Lokali

Il-famuż ċensiment li semma Galdes…għadu lanqas biss beda

Korrispondenza uffiċjali tgiddeb dak li kien qalilna Roderick Galdes

Fit-2 ta’ Frar li għadda, bla tlaqliq, Il-Ministru Galdes qalilna li għaddej iċ-ċensiment biex il-Gvern jara ezatt kemm hawn kirjiet ta’ qabel l-1995 – ċensiment li skont Galdes, “qed isir bħalissa”.

Il-verità hi ghal kollox differenti. Iċ-ċensiment tad-djar għadu lanqas biss beda.

Dan se jsir bejn Settembru u Ottubru li gej, bil-ġurnata uffiċjali taċ-Ċensiment tkun l-10 ta’ Ottubru. U hawn, se tinġabar informazzjoni dwar kirjiet.

Dan kien konfermat lilna mill-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika permezz ta’ email, fejn gie spjegat li mill-bidu ta’ Settembru, il-pubbliku jkun jista’ jwieġeb l-kwestjonarju taċ-Ċensiment permezz ta’ portal apposta.  U b ejn is-27 ta’ Settembru u s-17 ta’ Ottubru, nies mqabbda mill-NSO se jkunu qed iduru d-djar kollha sabiex jassistu lill-pubbliku fil-ġbir tal-informazzjoni.

Dan ifisser li kuntrarju ghal dak li qal il-Ministru Galdes, ic-Censiment bl-informazzjoni dwar il-kirjiet fadallu 8 xhur biex jibda! U allura, għadu mhux ċar x’soluzzjonijiet – jekk għandu – qed joffri l-Ministru meta lanqas jaf eżatt kemm hi kbira attwalment din il-problema tal-kirjiet.

Net News jista’ jikkonferma wkoll illi l-aħħar data hi dik taċ-Ċensiment tal-2011, fejn kien hemm 14,879 proprjetà taħt kirja ta’ qabel l-1995. Minn dawn il-postijiet, kien hemm 6,941 proprjetà li għandhom minn tal-inqas persuna waħda fl-età ta’ ‘l fuq minn 65 sena.

L-informazzjoni li inġabret 10 snin ilu kienet turi illi kien hemm madwar 30,000 proprjetà parzjalment vojta u 41,000 li kienu kompletament vojta.