Futbol Sport

Illejla f’Replay, jitkellem għall-ewwel darba l-eks President ta’ Sliema Wds, Keith Perry

F’dawn l-aħħar ġimgħat, Sliema Wanderers kienu fl-aħbarijiet mill-aspett amministrattiv, wara li fi spazju ta’ ftit xhur irreżenja t-tieni President fit-tmexxija, Jeffrey Farrugia. Dan tal-aħħar kien ħa t-tmexxija ta’ Sliema minn idejn l-eks President tal-klabb, Keith Perry li dam disa’ snin fit-tmexija.

Il-Presidenza ta’ Farrugia kienet taħt il-lenti minn bosta, wara li t-tmexxija tiegħu mal-blues bdiet b’entużjażmu u apsettativa kbira. Dan għaliex il-Wanderers akkwistaw diversi plejers interesanti u r-riżultati li bdew jiksbu, speċjalment fl-ewwel rawnd tal-Kampjonat Premier, kienu qed ipoġġu lil Sliema bħala sfidanti serji għar-rebħ tal-Kampjonat. Madankollu fil-bidu ta’ din is-sena, il-plejers bdew jilmentaw dwar il-fatt li ma kienux qed jitħalsu u wegħdi li ma kienux qed jinżammu, sforz il-fatt li l-isponsors u l-għajnuna finanzjarja li kien qed jistrieħ fuqha l-President Farrugia, baqgħu qatt ma waslu għaliex il-banek kienu qed iwaqfu dan il-proċess għal xi raġuni. Eventwalment kien hemm sensiela ta’ riżenji, fosthom ta’ Perry u Martin Bonnano mill-kumitat u tat-tim manager tat-tim, Alex Muscat. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, Farrugia rreżenja minn President ta’ Sliema u sal-lum l-klabb għadu mingħajr President.

Ilejla, u għall-ewwel darba wara diversi xhur u ġimgħat, se jkun qed jitkellem fil-media, l-eks President ta’ Sliema, Perry f’intervista mis-sensiela ‘Replay Drive’ f’Replay li jibda fit-8:30pm fuq Net Television. Perry kien il-persuna li ċeda l-post tiegħu ta’ President fil-klabb ta’ Sliema għal Farrugia, u allura jista’ jitkellem sew dwar is-sitwazzjoni li għadda u għadu għaddej minhu l-klabb; l-aktar wieħed glorjuż fl-istorja tal-futbol Malti.

Din l-intervista se tkun qed tixxandar bl-appoġġ ta’ wieħed mill-isponsors ta’ Replay, Continental Cars.