Futbol Sport

Inter jitilgħu fl-ewwel post b’rebħa fuq ir-rivali Milan

(Ritratt: EPA)

Fil-partita tal-ġimgħa mis-Serie A, Inter ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0 kontra ir-rivali Milan. Inter fetħu l-iskor fil-ħames minuta meta minn cross minn fuq il-lemin ta’ Romelu Lukaku, sab lil LAUTARO MARTINEZ li b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil Donnarumma għal 1-0.

L-istess LAUTARO MARTINEZ irdoppja fis-57 minuta wara pass tajjeb ta’ Ivan Perisic. Inter prattikament għalqu l-partita fis-66 minuta meta ROMELU LUKAKU qabad il-ballun min-nofs il-grawnd biex kif wasal mal-kaxxa kkonkluda b’xutt b’saħħtu għal skor finali ta’ 3-0.

Fl-ewwel partita tal-Ħadd Parma u Udinese qasmu l-punti f’partita pjaċevoli meta ġew fi draw ta’ 2-2. Parma marru fil-vantaġġ fit-tielet minuta meta minn cross ta’ Giuseppe Pezzella, kien ANDREAS CORNELIUS li bir-ras tefa’ għal ġewwa għal 1-0. Parma irduppjaw mill-ħdax-il metru fit-32 minuta permezz ta’ JURAJ KUCKA wara li Rodrigo Becao waqqa’ lil Valentin Mihaila fil-kaxxxa. Madankollu, Udinese daħlu fil-partita permezz ta’ STEFANO OKAKA CHUKA wara cross tajjeb ta’ Rodrigo De Paul. Biex fit-80 minuta Udinese kisbu l-gowl tad-draw meta minn free kick ta’ Thomas Ouwejan, BRAM NUYTINCK tefa’ għal ġewwa bir-ras.

F’Bergamo, Atalanta għelbu lil Napoli bl-iskor ta’ 4-2. Wara li l-ewwel taqsima intemmet bla gowls , minkejja li ż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti tagħhom, fit-52 minuta Atalanta marru fil-vantagg. Azzjoni ta’ Luis Muriel b’ DUVAN ZAPATA bir-ras għeleb lil Alex Meret. Ir-reazzjoni ta’ Napoli kienet immedjata tant li fit-58 minuta l-iskor sar 1 – 1 . Minn azzjoni ta’ Metteo Politano kien PIOTR ZIELINSKI li għeleb lil Pier Luigi Gollini. B’Atalanta fuq l-offensiva sitt minuti wara marru fil-vantaġġ permezz ta’ ROBIN GOSENS li għeleb lil Meret minn azzjoni ta’ Zapata.

Fil-71 minuta l-iskor sar 3 – 1 b’gowl ta’ LUIS MURIEL li għeleb lil Alex Meret.Ħames minuti wara Napoli naqqsu l-iskor b’autogowl ta’ ROBIN GOSENS , madankollu Atalanta ħadu biss tlett minuti biex marru 4 – 2 meta minn pass ta’ Berat Djimsiti kien CHRISTIAN ROMERO li għalaq il-partita.

Fil-Municipal Stadium Ciro Vigorito, Benevento u Roma qasmu l-punti f’partita nieqsa mill-azzjonijiet. Riżultat li ma jnaqqas xejn mill-mertu ta’ Benevento fejn minkejja li sofrew l-inizjattiva avversarja għal ħinijiet twal, mis-57 minuta lgħabu bi plejer anqas wara t-tkeċċija ta’ Kamil Gilik għat-tieni karta safra.

Riżultat li permezz tiegħu Roma telgħu waħidhom fit-tielet post b’44 punt filwaqt li Benevento b’25 punt jinsabu fil-15 il-post flimkien ma’ Bologna, Udinese u Fiorentina.

Il-Ġimgħa: Fiorentina v Spezia 3-0, Cagliari v Torino 0-1 Ilbieraħ: Lazio v Sampdoria 1-0, Genoa v Hellas Verona 2-2, Sassuolo v Bologna 1-1
Illum: Parma v Udinese 2-2, Milan v Inter 0-3, Atalanta v Napoli 4-2
Benevento v Roma 0-0 Għada: Juventus v Crotone 8.45pm