Internazzjonali

Iżrael inaqqas ir-restrizzjonijiet wara s-suċċess tal-vaċċin

L-awtoritajiet f’Iżrael qegħdin inaqqsu r-restrizzjonijiet tal-lockdown wara li l-istudji żvelaw li l-vaċċin tal-Pfizer hu effettiv fuq livell ta’ 95.8 fil-mija biex jevita l-mewt mill-Covid-19 flimkien ma’ sitwazzjonijiet fejn il-pazjenti jridu jingħataw il-kura fl-isptarijiet.

Intant, bdew jiftħu l-ħwienet, il-libreriji u l-mużewijiet, iżda l-Iżraeljani xorta waħda qed ikunu mitluba biex jilbsu l-maskri tal-wiċċ u jirrispettaw id-distanzi soċjali. Dan waqt li l-Ministeru tas-Saħħa f’Iżrael qal li dan huwa l-ewwel stadju fl-impenn biex l-Iżraeljani jirritornaw għall-ħajja normali wara xhur ibatu l-effetti tal-pandemija.

Iżrael għandu l-ogħla rata ta’ tilqim kontra l-Covid-19 fid-dinja u meta sallum ‘il fuq minn 49 fil-mija tal-poplu ingħataw talanqas doża waħda tal-vaċċin.

Il-pajjiż daħal fit-tielet lockdown tiegħu fis-27 ta’ Diċembru wara li kienet indikata spinta ġdida fl-infezzjonijiet bil-coronavirus fuq livell lokali.

Sadanittant, it-tnaqqis fir-restrizzjonijiet ifisser ukoll li n-nies, issa, jistgħu jidħlu fil-kumplessi kummerċjali u jżuru diversi attrazzjonijiet turistiċi.

Il-folol, minn issa, jistgħu jattendu wkoll il-kunċerti – bl-avvenimenti sportivi qegħdin jaċċettaw sa 75 fil-mija tal-kapaċità għall-ispettaturi. Madankollu, f’Iżrael qed ikunu mħarsa limiti ta’ ‘mhux aktar minn 300 persuna fuq ġewwa u 500 fuq barra’.