Internazzjonali

Jibda it-tilqim fl-Awstralja…bil-Prim Ministru jippromwovi l-importanza tal-vaċċini

Il-Prim Ministru tal-Awstralja, Scott Morrison ingħata t-tilqima kontra l-coronavirus, bil-pajjiż qed jibda l-programmi tat-tilqim għall-poplu inġenerali. It-tilqima li ngħatat lill-Prim Ministru xxandret dirett fuq it-televiżjoni tal-Isat bil-għan li n-nies irabbu kuraġġ akbar fl-effettività tar-‘rollout’ tal-vaċċin madwar l-Awstralja.

Intant, il-bidu tal-programmi tat-tilqim daħal fis-seħħ proprju ftit tas-sigħat ilu u mistennija jitlaqqmu mas-60,000 Awstraljani matul il-ġimgħa.

Fi tmiem il-ġimgħa, folol żgħar ta’ dimostranti, magħrufin bħala ‘anti-vaxxers’, ipprotestaw kontra din il-kampanja tat-tilqim – bl-ewwel dożi li qed jingħataw lin-nies ikunu tal-kumpanija Pfizer wara li kienu approvati mill-awtoritajiet relevanti.

Intant, Scott Morrison kien fost l-ewwel grupp ta’ nies li ngħataw it-tilqima u li kienu jinkludu xi ħaddiema fis-settur tas-saħħa u residenti tad-djar għall-anzjani ( persuni indikati bħala front-liners).

Min-naħa tiegħu, Scott Morrison enfasizza li t-tilqima hi ‘sikura u importanti’ bħala difiża effettiva għal kontra l-coronavirus u, probabbilment, il-varjanti tiegħu.

L-ewwel persuna li ngħatat it-tilqima fl-Awstralja, sadanittant, kienet mara ta’ 85 sena bl-isem Jane Malysiak.