Lokali

“Konvint iktar minn qatt qabel li posti hu fil-PN” – Jamie Vella

Il-Partit Nazzjonalista hu l-aqwa għodda biex nirrestawraw l-integrita’ fit-tmexxija tal-pajjiż. Dan għaliex il-PN imexxi l-politika tal-ideat u jemmen verament fil-prinċipju bażiku tal-ġid komuni. Sostna dan il-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-PN Jamie Vella meta indirizza l-attivita’ politika fir-Rabat Għawdex.

Kompla li l-politiku ma jagħtiniex id-drittijiet iżda hu obbligat li jelimina l-inġustizzji.

“Il-politiku, hu min hu, ma jagħtiniex id-drittijiet, iżda bi dmir lejna, hu obbligat li jeliminia l-inġustizzji u jara li kull membru tas-soċjeta jingħata l-assistenza sabiex jilħaq il-potenzjal tiegħu b’rispett sħiħ lejn id-dinjita’ tiegħu.”

Jamie Vella qal li hu żbaljat li min b’arroganza jaħseb li għandu xi monpolju jew ownership fuq id-drittijiet ċivili u agħar minn hekk, jinqeda bid-drittijiet ċivili biex jipprova jgħatti l-iskandli. Hu għalhekk, kompla Jamie Vella, li hu konvint iktar minn qatt qabel li postu hu fil-PN, “fejn dejjem ħassejtni liberu li niddiskuti. Fejn jekk hemm nuqqas ta’ qbil, naf li dan huwa riżultat ta’ konvinzjonijiet sinċieri u fejn fuq kollox, id-djalogu liberu huwa l-qofol tal-proposti ta’ dan il-partit.”

Hu appella lil kulmin għadu mweġġa’ b’xi pożizzjonijiet li seta ħa jew naqas milli jieħu il-PN fil-passat u tenna li l-PN evolva u qed jiġġedded u l-preżenza tiegħu hi xhieda ta’ dan.

“Jien nifhem il-weġgħat tagħkom, jien magħkom qsamt dawn il-weġgħat. Pero’ illum qiegħed hawn biex ngħidilkom li dan il-partit tgħallem mill-iżbalji tiegħu, qiegħed jevolvi u jiġġedded u l-preżenza tiegħi hawn illum hija prova ta’ dan it-tiġdid.”

Hu temm li fil-ġimgħat li ġejjin, l-FOIPN se jkompli jiltaqa ma’ għaqdiet u esperti fil-qasam tad-drittijiet ċivili biex il-PN jisma’ u jkompli jsawwar il-viżjoni u l-proposti tiegħu f’dan is-settur.