Lokali

“L-għan tan-negozji mhuwiex li jinvestu, iżda li jsalvaw mill-pandemija”

“In-negozji bhalissa mhumiex qiegħdin jinvestu, iżda l-għan ewlieni tagħhom huwa li jsalvaw minn din il-pandemija”.

Din hija waħda mill-konklużjonijiet li ħarġu minn rapport illi ġie ppreżentat mill-Kamra Maltija tal-Kummerċ bl-isem “L-Indiċi tal-Fiduċja”.

“Fi żmien ta’ pandemija, li se nibqgħu nagħmluha kull sitt xhur ta’ dan l-indiċi, qed inkejlu x’inhi l-kunfidenza tan-negozjanti Maltin fuq kull settur relatat ma’ revenue, profitt u impjiegi. U mhux biss kif qed inħossuna llum iżda anke kif se jirrifletti ‘l quddiem.”

Dwar dan ir-rapport tkellem il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb f’intervent waqt il-programm NetLive. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li tingħata stampa ċara dwar is-sitwazzjoni tan-negozji Maltin u barranin fid-dawl tal-pandemija tal-COVID.

“Dwar l-informazzjoni li waslet għandna mhix ta’ sorpriża għalina,” qal Xuereb. “Iżda b’din l-informazzjoni, b’mod oġġettiv u xjentifiku u kostanti, nistgħu nifhmu iktar minn dak li għaddejjin minnu u kif se nużaw il-fondi li jaslu għand in-negozji u nużawhom bl-aħjar mod.”

Il-President ta’ The Malta Chamber kompla jgħid li dan se jagħti ħarsa ċara ta’ x’jista’ jiġri fil-futur biex in-negozji jippjanaw għal wara l-COVID-19.

“Dan se jtina l-opportunità li l-Gvern jista’ jagħmel inċentivi għal Malta b’mod iktar realistiku kif jidhru li qiegħdin illum u kif in-nies qed iħossu li se jiżviluppaw ‘il quddiem,” qal Xuereb. “Barra dan, inkunu qed nikkomparaw lilna nfusna ma’ pajjiżi oħra għaliex fl-aħħar mill-aħħar dak li jirnexxilna nagħmlu aħna jirrifletti fuq il-kunfidenza li nies oħra għandhom f’pajjiżi li nagħmlu negozju magħhom.”

Mill-analiżi u informazzjoni li waslet għand il-Kamra tal-Kummerċ jidher li n-negozji Maltin huma iktar kawti minn dawk barranin. Il-biża’ tan-nies fin-negozju huwa jekk humiex se jkunu kapaċi jzommu miftuħin sal-ahhar tas-sena. B’erbgħa min ħames jiddikjaraw li ġew  affetwati ħafna minħabba l-pandemija.