Lokali

Laqgħa urġenti għada f’Kastilja għall-Grupp Parlamentari Laburista

Il-membri Parlamentari Laburisti rċevew korrispondenza elettronika minn Kastilja tinfurmahom li se jkollhom laqgħa importanti mal-Prim Ministru Robert Abela, għada fin-nofs siegħa f’Kastilja.

Id-Deputati Laburisti kollha huma ordnati biex jattendu din il-laqgħa għalkemm min ħejja din il-korrispondenza ħalla l-parti tal-aġenda għad-diskussjoni vojta.

Bla dubju ta’ xejn li din il-korrispondenza elettronika minn Kastilja tkompli tkabbar l-ispekulazzjonijiet dwar it-tħejjijiet li l-Prim Ministru Robert Abela – li lbieraħ għamel ġurnata jiltaqa’ mal-elettorat f’Għawdex – qed jagħmel għal dak li ħafna qed jinterpretaw bħala mossa fit-triq lejn Elezzjoni Ġenerali bikrija, possibbilment anki fil-bidu tas-sajf li ġej.

Madankollu persuna li tkellmet ma’ il-mument żvelat magħna li fil-Grupp Parlamentari Laburista bħalissa għadd ta’ manuvri u diżgwid intern kawża ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu f’Kastilja fl-aħħar ġimgħat u li qed qed itellfu l-punti mhux biss lil Robert Abela nnifsu, imma anki lill-Gvern u lill-Partit Laburista.

“Kemm-il darba l-affarijiet se jissoktaw jibqgħu mexjin kif inhuma b’Robert Abela jibqa’ ma jindirizzax ċerti sitwazzjonijiet, allura problemi kbar se jkollna,” qaltilna persuna viċin tal-Grupp Parlamentari.

Fuq l-aġenda tad-Deputati – lil hinn min dak li jrid jgħidilhom il-Prim Ministru għada f’Kastilja – hemm diversi kwistjonijiet li huma jridu jqanqlu, fosthom dwar ċerti dikjarazzjonijiet li għamel fil-konfront tat-tixrid tal-pandemija, liema dikjarazzjonijiet baqgħu ma seħħewx u hekk tefgħu dell ikrah fuq il-kredibbiltà tal-istess tal-Gvern Laburista. Hu fatt li ċerti dikjarazzjonijiet li fix-xhur li għaddew għamel Robert Abela fil-konfront tal-pandemija għamlu ħsara kbira lill-Gvern għaliex filwaqt li Robert Abela wiegħed mod, ġara l-oppost.

Kwistjonijiet oħrajn li d-Deputati jridu li jkunu mitkellma huma dwar in-nuqqas ta’ azzjoni minn Robert Abela biex jonora dak imwiegħed minnu fil-kontront tal-korruzzjoni, l-abbużi sfaċċati u l-istituzzjonijiet li mhumiex jitħallew jiffunzjonaw kif mixtieq u mistenni.

Hemm ukoll is-saga li ma tieqaf qatt fil-konfront ta’ Keith Schembri, l-Eks Chief of Staff f’Kastilja; tal-Eks Ministru Konrad Mizzi u oħrajn allegatament involuti fi skandli kbar, qed ikomplu jagħmlu ħsara kbira lill-Gvern u sussegwentement lill-Partit Laburista li qed ikompli jnaqqas il-popolarità tiegħu fost l-elettorali.

Grupp Parlamentari wkoll maqsum fuq il-kwistjoni ta’ Rosianne Cutajar u l-allegati rabtiet man-negozjant Yorgen Fenech. Il-Prim Ministru ma ħa l-ebda pożizzjoni dwar dak li allegatament kienet involuta fih Rosianne Cutajar bir-riżultat li l-Prim Ministru qiegħed ikompi jidher li qed imexxi Gvern dgħajjef u bla stamina.

Aktar diżgwid qed jinħass ukoll fl-indifferenza tal-Prim Ministru fil-konfront tal-Ministru Ian Borg li qiegħed ikompli jirrombla u ma jagħti kas ta’ ħadd u xejn fl-isfreġji ambjentali biex jagħmel wisa’ għal toroq ġodda, u saħansitra reċentement anki l-Qrati tal-Ġustizzja kellhom kliem xejn sabiħ fil-konfront tiegħu hekk kif xhieda ġuramentata tqieset bħala waħda li ma titwemminx hekk kif l-istess Ian Borg allegatament approfitta ruħu minn raġel vulnerabbli.

Kwistjonijiet oħra pendenti biex ikunu diskussi f’Kastilja hemm ukoll is-sitwazzjoni mwiegħra fl-Air Malta biex l-Air Malta ma tibqax f’emoroġija ta’ telf ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro kuljum, u dik marbuta mal-kredibbiltà li jgawdi l-Bank Ċentrali ta’ Malta mmexxi llum mill-Eks Ministru Edward Scicluna.

Min tkellem ma’ il-mument qalilna li s-sitwazzjoni fil-Grupp Parlamentari Laburista hi waħda ta’ qasma kbira bejn dawk ta’ Robert Abela u dawk ta’ kontrieh.

Interessanti l-fatt ukoll li l-laqgħa b’urġenza li qed tissejjaħ għal għada f’Kastilja, se tkun qed titlaqqa’ qabel il-laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri ta’ din il-ġimgħa.

Żgur li fil-laqgħa ta’ għada l-Prim Ministru se jkun qed jibda jagħti ħjiel dwar dak li għandu f’moħħu dwar l-Elezzjoni Ġenerali u allura se jkun qed jappella biex id-diżgwid intern jitwarrab u jingħaqdu kollha warajh.

Iżda lil hinn mill-kliem sabiħ u x-xenxilli li jaf jagħmel il-Prim Ministru, id-Deputati jafu tajjeb kif l-istess Robert Abela qiegħed iħejji pjan fid-diversi Distretti Elettorali biex jelimina lil uħud fosthom u minflokhom jimbotta lil oħrajn fidili lejh. Dan kważi japplika fuq kull Distrett Elettorali u diġà rajnih iwettqu meta ma ħalliex elezzjoni każwali ssir, u meta saret ordna biex il-kandidat elett, Gavin Gulia, jieħu l-ġurament u fl-istess waqt jirriżenja  mill-Parlament.

Min tkellem ma’ il-mument qalilna li d-Deputati jafu tajjeb kif il-Prim Ministru ma jiddejjaqx jaħseb għal rasu u jirrepeti l-istejjer ‘Clyde Caruana’ u ‘Miriam Dalli’ biex issa jimbotta lil dawk li huma meqjusa bħala nies tiegħu.