Bħal-lum għaxar snin ilu, żewġ ajruplani Mirages tal-armata Libjana, kienu niżlu għall-għarrieda f’pajjiżna. Malta minn dak il-mument daħlet fi żmien ta’ tensjoni hekk kif iddaħħlet u ġarrbet l-effetti tal-gwerra ċivili fil-Libja.
F’intervista li l-programm PROFILI għamel mal-eks Prim Ministru ta’ Malta, Lawrence Gonzi tkellem magħna dwar it-tensjoni ta’ dak iż-żmien, kif bħala nazzjon, hu bħala Prim Ministru, kellu jigwida lill-poplu Malti u jbiegħed lill-Maltin minn kull periklu.
Huwa rrakonta l-mumenti l-aktar ta’ tensjoni fejn spjega għalxiex ma ċediex għall-pressjoni tar-reġim ta’ Gaddafi biex jirritorna ż-żewg Mirages. Qal li żamm ma’ din il-pożizzjoni minkejja theddid u saħansitra ordna li ajruplan li kien intqal li kien tal-passiġiera ma tħalliex jinżel f’pajjiżna għax irriżulta li abbord kien hemm Libjani ġejjin biex jaħtfu l-Mirages u jtajruhom lura.
Lawrence Gonzi tkellem magħna dwar l-esperjenza tal-piloti tal-Mirages, u kif Malta serviet ta’ pont biex ikunu salvati l-ħaddiema barranin li kienu jaħdmu fil-Libja. Malta x’għamlet ukoll biex issalva u ġġib lura lill-ħaddiema Maltin?
Fl-esperjenza tiegħu l-eks PM qal ukoll li kien anki kkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, fejn Muscat kien qallu li l-Oppożizzjoni Laburista se tkun qed tappoġġja kull deċizjoni li se jieħu hu.
Lawrence Gonzi ddeskriva t-tensjoni tiegħu fil-mument, iżda sab tim ta’ nies jappoġġjawh, inkluż martu Kate u l-familja li kienu ta’ forċina kbira f’dak il-mument. Huwa b’sodisfazzjon qal magħna li Malta wara dan l-episodju saħħet isimha b’mexxejja dinjija jfaħħru l-isforzi li kien qed jagħmel il-Gvern u l-poplu Malti f’dak il-perjodu delikat.
Il-programm PROFILI ma’ Lawrence Gonzi se jibda jixxandar nhar it-Tnejn l-1 ta’ Marzu, hekk kif dan se jkun programm speċjali f’żewġ partijiet, bl-intervisti esklusivi ma’ uħud li ħadmu mal-eks PM ta’ pajjiżna ma jonqsux.
//= $special ?>