Lokali

“Lil sħabi tal-iskola ma ngħidilhomx li ngħixu s-sena kollha f’karavan…dik hi d-dar tagħna”

“Issa ilna ngħixu fil-caravan minn Mejju tas-sena l-oħra. Bħas-soltu bdejna noqogħdu fil-caravan minn Mejju għax-xhur tas-sajf. Hekk kien mingħalija.

“U allura bħas-soltu konna morna biex nilħqu l-post tas-soltu u ma jkollniex problemi ma’ sidien ta’ caravans oħrajn. Iżda wara li gawdejna s-sajf ma morniex lura d-dar kif dejjem għamilna fis-snin ta’ qabel. Bqajna ngħixu fil-caravan. Jien, missieri, ommi u ħija. “Sħabi tal-iskola ma jafux li aħna ngħixu f’caravan is-sena kollha. Jien ma ngħidilhom xejn.”

Din hi l-esperjenza ta’ familja li tkellmet mal-gazzetta il-mument dwar din l-esperjenza li għaddejin minnha bħalissa.

“Sa issa għaddew għaxar xhur u b’xi mod kampajniha. Għaddejna l-Milied hawnhekk. Għaddejna jiem ta’ maltemp u, fil-jiem li għaddew, kellna wkoll jiem ta’ kesħa. Naturalment mhux faċli, iżda mhux impossibbli. Lit-tfal nassiguraw li ma nonqsuhom f’xejn.  Din, għalissa, spiċċat id-dar tagħna. Kuntenti u fiċ-ċirkostanzi niġbdu l-ħabel flimkien. Naturalment ix-xewqa tibqa’ dik li nerġgħu mmorru f’dar normali. Iżda kif inhuma l-affarijiet bħalissa m’hux faċli.

“Aħna bid-dħul tagħna jirnexxielna b’xi mod inwasslu sal-aħħar tax-xahar. Sadattant issa riesaq żmien sabiħ ta’ temp sabiħ u ġranet twal u hawnhekk fejn ninsabu jkun sabiħ ħafna. Jalla sal-aħħar tas-sajf inkunu kapaċi nirritornaw f’dar normali,” temm il-missier.