Futbol Sport

Manchester City b’vantaġġ ta’ għaxar punti f’ras il-klassifika

(Ritratt: EPA)

Manchester City estendew is-sensiela ta’ rebħiet konsekuttivi għal 18-il logħba, bl-aħħar suċċess – rebħa ta’ 1-0 fuq Arsenal fl-Emirates Stadium – ifisser pass eqreb it-titlu ta’ Champions tal-Premier Ingliż, bit-tim immexxi minn Pep Guardiola qed jidher ferm superjuri għall-eqreb avversarji.

City ilhom ma jwaqqgħu punt fil-kampjonat mill-15 ta’ Diċembru u din id-darba kellhom jistennew żewġ minuti biss biex imorru fil-vantaġġ meta Raheem STERLING għola aktar minn Rob Holding biex isib ix-xibka bir-ras għall-uniku gowl tal-logħba. Fit-tieni taqsima, l-aħjar opportunità waslet f’saqajn Joao Cancelo li qabeż difensur b’finta u ra l-curling shot tiegħu jgħaddi jħakkek minn mal-lasta.

Intant, is-Citizens baqgħu jżommu l-vantaġġ prezzjuż biex issa jinsabu b’vantaġġ ta’ għaxar punti f’ras il-klassifika u meta fadlilhom biss 13-il logħba biex jikkonkludu l-impenji tal-istaġun. Fil-preżent, Arsenal jinsabu fl-għaxar post tal-Premier League, bi żvantaġġ ta’ sitt punti mal-ewwel sitt timijiet fil-klassifika.

Manchester United kisbu rebħa mportanti f’darhom kontra Newcastle bl-iskor ta’ 3-1. MARCUS RASHFORD poġġa lir-Red Devils fil-vantaġġ fil-31 minuta, b’Saint Maximin iġib il-gowl ta’ draw ftit wara. Iżda Manchester United aċċċertaw mir-rebħa minn gowls ta’ DANIEL JAMES u penalty ta’ BRUNO FERNANDES.

West Ham United qabżu fir-raba’ post tal-Premier League b’rebħa, 2-1, fuq Tottenham Hotspur fid-derby ta’ Londra. Dan kien riżultat diżappuntanti ieħor għat-tim immexxi minn Jose Mourinho meta Spurs, issa, tilfu ħamsa mill-aħħar sitt konfronti fil-kampjonat – bil-pressjoni tiżdied sew fuq Mourinho, li l-bookmakers issa poġġewh bħala ‘l-aktar manager probabbli’ li jitlef postu fil-jiem li ġejjin. Kien Michail ANTONIO li fetaħ l-iskor wara biss ħames minuti biex b’hekk iċċelebra r-ritorn tiegħu fit-tim wara nuqqas ta’ żewġ logħbiet. L-attakkant, intant, approfitta mill-indeċiżjoni tal-gowlkiper Lloris li kien naqas milli jinnewtralizza l-cross insidjuż ta’ Jarrod Bowen.

Il-Hammers komplew fejn ħallew fil-bidu tat-tieni taqsima meta Jesse LINGARD (47) irdoppja b’xutt għar-rokna – bil-gowl ikun ikkonvalidat wara li l-VAR, inizjalment, ħassar l-azzjoni għal offside ineżistenti kontra Pablo Fornals qabel il-konferma li Fornals, fil-fatt, ma kienx qed jaffettwa l-azzjoni li wasslet għall-gowl. Tottenham imbagħad wieġbu minn Lucas MOURA (64) li sab ix-xibka bir-ras, iżda għalkemm Gareth Bale u Son Heung-min it-tnejn laqtu l-lasta għal Spurs fit-tieni taqsima, il-Hammers irnexxielhom jiddefendu l-vantaġġ sal-aħħar u għas-seba’ rebħa tagħhom f’disa logħbiet tal-kampjonat.

Gowls ta’ James Maddison u Harvey Barnes aċċertaw rebħa prezzjuża oħra għal Leicester City — din id-darba għall-ispejjeż ta’ Aston Villa – u meta l-Foxes, issa, komplew jikkonsolidaw posthom mat-Top Four tal-Premier League. MADDISON (19) wera opportuniżmu kbir biex isammar ġewwa wara bidu xi ftit aħjar għall-Villains li kienu neqsin mill-captain – u l-ispirazzjoni – Jack Grealish li għandu xahar barra mil-logħba minħabba injury f’saqajh. Wara l-gowl, Leicester insistew fuq l-attakk u BARNES (li qed ikollu staġun mill-aqwa) irdoppja minn rebound, b’Martinez ftit ikollu ċans li jevita l-periklu.

Fit-tieni taqsima, Villa naqqsu d-distakk minn Bertrand TRAORE (48) li wkoll sab ix-xibka minn rebound, iżda minkejja li għamlu minn kollox biex isalvaw punt, il-Villains minn dak il-ħin sabu quddiemhom ħajt ta’ flokkijiet blu u ftit li xejn spazju fejn jimmanuvraw – bil-Foxes ikomplu jkunu perikolużi bil-kontra-attakki ta’ Vardy u Tielemans.

IlĠimgħa: Wolves v Leeds 1-0 Ilbieraħ: Southampton v Chelsea 1-1, Burnley v West Brom 0-0, Liverpool v Everton 0-2 Illum: West Ham v Tottenham 2-1, Aston Villa v Leciester 1-2, Arsenal v Man City 0-1, Man Utd v Newcastle 3-1 Għada: Brighton v Crystal Palace 9.00pm