Lokali

Michael Falzon jgħid li “taħt il-Lejber you will never walk alone”

"Qed ngħinu n-nies jiżfnu"

“Qed inħarsu l-futur tan-nies. U mal-Lejber, you will never walk alone”.

F’diskors waqt l-attività politika tal-Partit Laburista dalgħodu, il-Ministru Michael Falzon insista li Robert Abela jemmen fil-ġustizzja soċjali, għalkemm imkien ma semma x’soluzzjonijiet qed jagħti lill-familji li qed jiffaċjaw problemi serjissimi minħabba s-sitwazzjoni tal-kirjiet l-antiki. Jew għal dawk li bħalissa qed jgħixu fil-garaxxijiet jew f’karavans.

L-uniku soluzzjoni ta’ Michael Falzon kienet biss…”you will never walk alone” – frażi li Falzon uża tliet darbiet fid-diskors tiegħu.

Michael Falzon stqarr ukoll illi taħt il-Lejber “mhux qed indoqqu l-mużika, imma qed ngħinu n-nies jiżfnu”.

Dwar il-qasma fil-Grupp Parlamentari Laburista kien hemm battuta sottili mis-Sindku Laburista tal-Imtarfa Daniel Attard, illi għamel analoġija mal-logħba tal-futbol sabiex iwassal it-tħassib ta’ ħafna partitarji laburisti. Hu serħihom rashom billi stqarr illi “nistgħu ma naqblux fid-dressing room” – stqarrija li dehret b’mod ċar qed tirreferi għas-sitwazzjoni ta’ tensjoni li teżisti bħalissa fost id-deputati Laburisti.