Internazzjonali

Stati Uniti: Biċċiet tal-magna ta’ ajruplan jinżlu fuq zona residenzjali ta’ Denver

Ajruplan tat-tip Boeing 777 tal-United Airlines ġarrab il-ħsarat f’waħda mill-magni tiegħu, bil-konsegwenza li d-debris mill-istess magna niżel għal fuq numru ta’ djar, f’Denver.

Il-problema fil-magna kienet indikata mat-tlugħ tal-ajruplan li kien fi triqtu lejn Honolulu u meta kellu abbord mal-231 passiġġier u ekwipaġġ ta’ għaxra. Intant, il-Boeing, wara, irnexxielu jirritorna qawwi u sħiħ lejn l-ajruport ta’ Denver fost rapporti li ma weġġa’ ħadd fost in-nies ta’ fuqu u r-residenti mal-art.

Il-pulizija fil-belt ta’ Broomfield, intant, iċċirkulaw ritratti tal-‘casing’ tal-magna tal-ajruplan fil-ġardina ta’ dar (f’Denver) – bil-passiġġieri, wara, jirrakkuntaw li kienu semgħu ‘splużjoni kbira’ fil-bidu tat-Titjira 328. Ir-rapporti qalu wkoll li l-ajruplan għamel żmien jitriegħed waqt li kien fl-ajru u anki tilef l-altitudni, iżda b’xorti tajba il-pilota ma tilifx il-kontroll tal-Boeing.