Lokali Qorti

Tingħata l-libertà proviżorja fuq kompliċità f’reat ta’ serq

Illum, il-Puliżija ressqet b’arrest fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Monica Vella lil mara ta’ 35 sena residenti l-Qala’ fuq akkużi b’kompliċità f’reat ta’ serq ta’ flus.

Hi ġiet akkużata li nhar il-21 ta’ Frar, 2021, kienet kompliċi fir-reat ta’ serq ta’ flus minn residenza fi Triq Matthew Sultana, ix-Xagħra, Għawdex.

Il-mara ġiet akkużata ukoll li laqgħet għandha ħwejjeġ misruqa, meħuda b’qerq, jew akkwistati b’reat, u xjentament, b’kull mod, indaħlet biex tbiegħhom jew tmexxihom, li għamlet reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li saret reċediva.

L-akkużata wieġbet mhux ħatja għall-akkużi li nġiebu kontriha u ngħatat il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.