Lokali Qorti

Akkużat b’pusses ta’ 60 pakkett kokaina mhux għal użu tiegħu

Raġel ta’ 31 sena mill-Mosta li s-Sibt li għadda pprova jevita roadblock inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li kellu fil-pussess tiegħu 60 pakkett droga kokaina f’ċirkostanzi li ma kienux għal użu personali tiegħu.

Lyon Bonnici nqabad waqt roadblock f’Birkirkara bl-Ispettur Justine Grech li flimkien mal-Ispettur Roderick Spiteri ressquh il-Qorti spjegat fil-Qorti kif il-Pulizija, assistiti mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, innotaw karozza tagħmel manuvra biex tipprova tevita dan ir-roadbloack.

Meta rat hekk il-Pulizija waqqfet lil din il-vettura iżda Bonnici ħarab jiġri minn fuq il-post u mill-ewwel ġie segwit u spiċċa arrestat ftit tal-ħin wara. Minn tfittxija li saret il-Pulizija rnexxielhom isibu d-droga li allegatament kellu fuqu filwaqt li fl-istess karozza nstab pouch li kellu ammont ta’ flus kontanti ġewwa fih.

Bonnici wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrieh u saret talba għal libertà proviżorja, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba l-gravità tal-każ, il-fatt li l-imputat kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li ngħata f’kawżi oħra u l-kondotta kkulurita tiegħu.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-nuqqas ta’ affidabilita tal-akkużat u ordnat li huwa jittieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. L-Avukat Joseph P. Bonnici deher għal Lyon Bonnici.