Lokali

‘Allegazzjonijiet serji li jimmeritaw sospensjoni’

“Allegazzjonijiet serji li jimmeritaw sospensjoni”. Hekk stqarr l-editorjal ta’ The Malta Indepdenent on Sunday fid-dawl tal-aħħar żviluppi b’rabta mas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.

L-editorjal jisħaq illi minkejja li membru tal-Kabinett ta’ Robert Abela qed jaffaċċja akkużi serji u huwa suġġett għal investigazzjoni mill-Kumissarju tal-Istandards, il-Prim Ministru naqas milli jieħu azzjoni fil-konfront tagħha…. bl-istess Cutajar ma tħossx il-bżonn li għandna tissospendi ruħha.

Rosianne Cutajar ħadet €9,000 minn ammont ta’ flus kontanti li jlaħħaq l-€40,000 mogħtija lilha minn-negożjant Yorgen Fenech. Dan il-ħlas allegatament sar bħala parti minn ftehim dwar proprjetà illi kien qed isir fl-2019. Cutajar qatt ma cahdet dawn l-akkuzi – dejjem insistiet li dak li għamlet, m’għamlitux biex taġevola lil xi ħadd politikament.

Kien xahrejn ilu meta ħarġet l-aħbar illi Rosianne Cutajar issieħbet mal-ħabib tagħha Charles Farrugia, magħruf bħala t-Tikka, biex jinnegozjaw ftehim ta’ €3.1 miljun dwar post antik fl-Imdina bejn Fenech u l-bejjiegħ tal-proprjetà Joseph Camilleri.

F’Dicembru, Robert Abela kien iddefenda lid-deputat tieghu…bi skuza li meta sehh il-kaz ma kinitx Segretarju Parlamentari. U issa…qed jibqa’ jinsisti li se jistenna r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards qabel ma jieħu kwalunkwe tip ta’ azzjoni fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.

L-editorjal jgħid li Abela jaf li l-allegazzjonijiet huma sejri u jaf ukoll li m’għadux għalfejn joqgħod fuq dak li se jikkonkludi George Hyzler qabel ma jieħu deċiżjoni.

Il-fatt li Cutajar kienet qed tinnegozja ma’ sid ta’ kumpanija b’rabtiet mal-korruzzjoni… bl-involviment ukoll ta’ membri tal-Gvern Laburista…. diġà huwa aġir li jirrikjedi riżenja mill-kariga li għandha. L-editorjal jgħid li l-inqas ħaġa li għandha tagħmel Cutajar hija li tissospendi ruħha mill-Kabinett sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni.