Internazzjonali

Ambaxxatur Taljan maqtul waqt attakk fuq konvoj tan-NU

L-ambaxxatur tal-Italja għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo spiċċa maqtul waqt attakk li seħħ fuq konvoj li kien qed jivvjaġġa miegħu u li dak il-ħin kien għaddej mill-inħawi tal-lvant ta’ dan il-pajjiż Afrikan.

Il-konvoj fil-mira tal-attakk kien qed jipprovdi s-servizzi għall-World Food Programme (WFP) tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ewwel stqarrija uffiċjali dwar l-inċident qalet li l-ambaxxatur, Luca Attanasio, miet l-isptar dalgħodu wara li spiċċa midrub kritikament fl-isparar.

Hu indikat li l-attakk seħħ viċin il-belt ta’ Goma, bir-rapporti jikkonfermaw li (fl-attakk) tilfu ħajjithom ukoll uffiċjal tal-pulizija militari Taljan flimkien ma’ ‘tielet persuna’.

Uffiċjali lokali, intant, jemmnu li l-iskop wara l-attakk – li twettaq minn grupp mhux identifikat ta’ persuni armati– ‘kien li jinħatfu n-nies li kienu qed jivvjaġġaw mal-konvoj’. Dan meta diversi gruppi armati huma attivi fiz-zona inkwistjoni viċin il-fruntiera tal-pajjiż mar-Rwanda u l-Uganda.

Hu minnu wkoll li f’din iz-zona qed isiru l-battalji kontinwi bejn il-movimenti tal-milizzji rivali, u fejn in-Nazzjonijiet Uniti qed iżomm kontinġent militari biex jikkontrolla s-sitwazzjoni delikata.